“Ir-Relazzjonijiet Bejn L-UE U L-Afrika Għandhom Ikunu Definiti B’Rispett Reċiproku Fuq Il-Bażi Ta’ Aġenda Komuni” – Evarist Bartolo

 “Ir-Relazzjonijiet Bejn L-UE U L-Afrika Għandhom Ikunu Definiti B’Rispett Reċiproku Fuq Il-Bażi Ta’ Aġenda Komuni” – Evarist Bartolo

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo enfasizza l-importanza tar-rispett reċiproku bejn l-Ewropej u l-Afrikani, filwaqt li nnota s-sinjifikat għar-relazzjonijiet UE-Afrika fl-iżvilupp ta’ aġenda komuni. L-Ewropa teħtieġ relazzjonijiet ta’ kummerċ u ta’ investiment ġusti mal-Afrika li joħolqu l-ġid u l-impjiegi fl-Afrika għall-Afrikani, partikolarment iż-żgħażagħ li jeħtieġu perspettiva reali.

Il-Ministru Bartolo indirizza l-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fi Brussell li ffukat fuq ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Afrika, fit-tħejjija għas-Summit UE-Afrika skedat għall-2022, is-sitwazzjoni attwali fil-Belarus u fl-Ukraina u s-sitwazzjoni f’Varosha.

Il-Ministru Bartolo enfasizza l-ħtieġa ta’ konsistenza fid-diversi politiki tal-UE fil-konfront tal-Afrika li tiżgura l-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir, u l-prosperità fil-kontinent Afrikan. Il-Ministru Bartolo qal li l-Ewropa tista’ tinvesti b’mod strateġiku biex tiżviluppa diversi setturi mal-Afrikani, fosthom l-enerġija solari, pereżempju, fejn 600 miljun għadhom mingħajr elettriku. Fl-intervent tiegħu, enfasizza wkoll li l-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-Afrikani fl-Afrika huwa l-aħjar mod biex jiġi garantit futur sostenibbli għall-Afrika ffurmat mill-Afrikani.

Dwar is-sitwazzjoni f’Varosha, il-Ministru Bartolo saħaq li r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti jridu jinżammu u jridu jittieħdu miżuri biex it-tensjonijiet bejn Ċipru u t-Turkija jitnaqqsu.

Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin kellhom skambju ta’ fehmiet mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ministru tal-Qatar, Sheikh Mohammed bin Abdulrahman bin Jassim Al Thani. L-iskambju ffoka primarjament fuq l-irwol tal-Qatar fl-Afganistan. Il-Ministru Bartolo enfasizza l-importanza li l-UE u l-Qatar jaħdmu eqreb flimkien hekk kif l-interessi tagħhom huma magħquda. Il-Ministru Bartolo faħħar ir-rwol tal-Qatar fl-iżgurar tal-bidu mill-ġdid tat-titjiriet u l-aċċess għall-għajnuna umanitarja li timpenja ruħha ma’ msieħba internazzjonali biex iħarsu d-drittijiet umanitarji u umani, partikolarment dawk tan-nisa u tal-bniet.

Fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, il-ministri kellhom skambju ta’ fehmiet mad-Direttur Eżekuttiv tal-IEA Fatih Birol. Il-laqgħa ffokat fuq iż-żieda attwali fil-prezzijiet globali tal-enerġija, li jingħad li żdiedu sostanzjalment meta mqabbla mas-sena li għaddiet. Il-Ministru Bartolo nnota li din is-sitwazzjoni hija katalista biex nimxu lejn sorsi ta’ enerġija alternattivi u orħos. Minħabba l-importanza ta’ minerali rari fl-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ enerġija nadifa, il-Ministru Bartolo enfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fuq livell Ewropew u globali, biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-klima.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com