“…Il-Bambin Tridu Tagħlqu Ġol-Barriers?”
Hekk kif il-jum tal-Milied dejjem qed joqrob, il-kontroversja dwar il-purċissjoni ta’ Ġesù Bambin li hija sinonima ma’ dawn iż-żminijiet dejjem qed tiżdied.
Apparti bosta nies li qed jitkellmu fuq il-mezzi soċjali dwar dan, ilbieraħ tkellmu wkoll tal-anqas 5 qassisin minn parroċċi differenti, fosthom Arċiprieti li jmexxu l-parroċċa tagħhom.
L-Arċipriet Robin Camilleri mill-parroċċa tal-Isla qal li prova jagħmel dak kollu li jista’ biex il-purċissjoni nhar l-24 ta’ Diċembru toħroġ idur mat-toroq.
“Nirċievi email mingħand l-awtoritajiet tas-saħħa fejn qalulna li trid tagħlaq ir-rotta tal-purċissjoni bil-barriers,” tenna Fr. Robin, filwaqt li qal li dan jagħmilha impossibbli li din issir. “Jiddispjaċini meta nara kollox qed isir normali u dak li huwa tal-Knisja le,” saħaq l-Arċipriet tal-Isla.
L-Arċipriet ta’ Ħal Tarxien, Fr. Chris Ellul, kellu l-istess esperjenza fejn ippubblika l-email li rċieva mill-awtoritajiet tas-saħħa jgħidu li l-purċissjoni tista’ ssir jekk kemm il-darba jkun segwit il-protokoll stabbilit.
“Soċjetà bla sinsla…bil-barriers issa?? Fejn tridu bil-barriers, postijiet oħra juru mod ieħor, imiskom tistħu…ejjew ċapċpu u ippużaw għar-ritratti issa ta…Poplu iftaħ għajnejk u semma’ leħnek,” kiteb Fr. Chris fuq il-mezzi soċjali tiegħu, filwaqt li wera li l-affarijiet mhux qed jimxu l-istess ma’ kulħadd.
L-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi, Fr. Mario Mangion kellu l-istess sentiment hekk kif ippubblika ritratt ta’ sfilata bil-karrijiet li kienet għada kemm saret ftit tal-ħin qabel kif ukoll email identiku bħal dak li ppubblika Fr. Chris Ellul li rċieva mill-awtoritajiet tas-saħħa dwar il-purċissjoni.
“Tista’ l-MTA tgħidilna taħt liema protokoll saret din l-isfilata fit-toroq ħalli aħna wkoll nimxu fuqhom?” saħaq Fr. Mario fil-messaġġ tiegħu fuq il-mezzi soċjali. Huwa kompla jsaqsi, “tista’ s-Supretendent tas-saħħa tagħtina direzzjoni ċara? Jista’ l-Ministru tas-saħħa jirrepeti dak li qal fil-konferenza stampa ta’ l-24 ta’ Novembru? Jien iva se nirrepeti dak li għidt qabel, din mhi xejn għajr diskriminazzjoni kontra dak li hu reliġjuż,” temm jgħid l-Arċipriet Mario Mangion.
Fr. Dillon Bugeja mill-Parroċċa taż-Żurrieq kellu l-istess sentimenti ta’ Fr. Mario Mangion, hekk kif fil-messaġġ tiegħu fuq il-mezzi soċjali wera ritratt ta’ din l-isfilata li kienet qed isir fit-toroq mingħajr l-użu tal-barriers.
“Imn’alla din l-isfilata ma kellhiex xi bambin jew xi simbolu reliġjuż għax kieku żgur kienet titwaqqaf,” tenna Fr. Dillon, filwaqt li qal li llum minn hu reliġjuż hu meqjus bigotta, arkajku, anarkiku u diżubbidjenti.
“Ftakru li l-Kristjaneżmu ħoloq ċiviltà, mingħajru ġungla jkollkom. Din dittatura fina,” temm jgħid Fr. Dillon Bugeja.
Il-Pirjol tal-kunvent Dumnikan fil-Birgu Fr. Aaron Zahra fil-messaġġ tiegħu fuq il-mezzi soċjali staqsa, fejn kienu l-barriers għal fun run? Staqsa wkoll fejn qegħdin il-barriers għall-banda fil-Belt Valletta?
“Il-Bambin tridu tagħlqu ġol-barriers?” temm jgħid Fr. Aaron Zahra, filwaqt li dalgħodu kiteb poeżija qasira dwar dan kollu, li nixtieq ngħalaq dan l-artiklu biha.
“Ninni la tibkix iżjed għax ġewwa jridu jagħlquk
Ninni la tibkix iżjed għax biex toħroġ bil-barriers irriduk
Ninni la tibkix iżjed għax lilek biss ma jridux;
Għax il-purċissjoni tiegħek ma’ tqallax flus!
Ninni la tibkix iżjed għax għandek lilna nipproteġuk!”