Raġel Li Kien Passiġġier F’Karozza Sofra Ġrieħi Gravi F’Ħabta F’Birżebbuġa

 Raġel Li Kien Passiġġier F’Karozza Sofra Ġrieħi Gravi F’Ħabta F’Birżebbuġa

Raġel ta’ 30 sena minn Ħad-Dingli sofra ġrieħi gravi f’ħabta bejn żewġ karozzi fil-lejla li għadda.

L-aċċident seħħ aktar kmieni illum, għall-ħabta tan-nofs siegħa ta’ filgħodu, fi Triq Ħal Far, Birżebbuġa.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li seħħ inċident bejn Peugeot 407 misjuqa minn raġel ta’ 29 sena li joqgħod Ħad-Dingli u SuzukI Baleno, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 42 sena minn Birżebbuġa.

Fil-Peugeot kien hemm ir-raġel ta’ 30 sena waqt li fis-Suzuki kien hemm ukoll żagħżugħ ta’ 15-il sena.

Ir-raġel ta’ 30 sena ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u aktar tard ġie ċċertifikat li qiegħed isofri ġrieħi gravi.

Iż-żewġ persuni li kienu fis-Suzuki marru għall-kura ġewwa Ċentru tas-Saħħa. In-natura tal-ġrieħi tagħhom għada mhux magħrufa.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com