Bżonn Ta’ Miżuri Aktar Effiċjenti U adattati Għal Ġlieda Fit-Tul Kontra L-Pandemija – Il-PN

 Bżonn Ta’ Miżuri Aktar Effiċjenti U adattati Għal Ġlieda Fit-Tul Kontra L-Pandemija – Il-PN

Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista lbieraħ, intqal li issa wara li ilna sentejn niġġiedlu l-virus kellna nkunu f’posizzjoni aktar preparata biex naffrontaw il-varjant Omicron u ż-żieda ta’ każijiet.

Il-queues ta’ siegħat sħaħ biex tittieħed it-titqiba tal-booster u dewmien sa erbgħa ġimgħat biex jittieħed swab test huma totalment inaċċettabbli issa li l-Gvern suppost għandu sentejn esperjenza kif jimmaniġġja din il-pandemija. Saret impossibli li taqbad mal-helplines 111 u 145.

“Din l-ineffiċjenza tal-Gvern qed tissarraf f’ansjetà u tbatija fil-familji u telf ta’ eluf ta’ dħul fin-negozji, l-ħaddiema u s-self-employed.”

B’dewmien ta’ ġimgħat biex tieħu swab test wara kuntatt ma’ persuna bil-virus huma bosta li jridu jikkunsidraw li jagħmlu test privat minn buthom li jiġi jiswa sa 140 euro. Il-Gvern irid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan u għandu jirrimborsa dawn l-ispejjeż sal-ġurnata fejn jiggarantixxi swab tests fi ftit jiem.

Id-dewmien u l-piż tal-iswabbing privat qed ifisser li huma bosta li jkollom sintomi u ma jittestjawx. Dan qed jikkontribwixxi biex tinfirex aktar il-pandemija.

Inoltre, il-Gvern jeħtieġ jikkunsidra wkoll li jirrevedi l-perjodi ta’ kwarantina u l-prattiċi ta’ kif din tibda tiddekorri. Il-kwarantina ta’ 14-il-jum qed tiġi mnaqqsa f’bosta pajjiżi Ewropej wara swab test negattiv. Dan għandu jiġi kkunsidrat f’Malta wkoll wara konsultazzjoni mal-esperti.

L-ineffiċjenza tal-Gvern stess fil-contact tracing u t-trażżin tal-virus qed twassal biex eluf ta’ ħaddiema u self-employed ikollom jagħmlu ġimgħat sħaħ ta’ kwarantina li qegħda tiġi ordnata minn meta jindunaw bil-kuntatt l-awtoritajiet flok min meta l-persuna jkolla s-sintomi.

Jeħtieġ ukoll li l-Gvern jiffaċilita aktar l-aċċess għal self-testing kits u testing mid-dar li damu ma waslu Malta u għadhom diffiċli li taċċesshom.

Il-Partit Nazzjonalista jappella biex kulħadd jieħu l-vaċċin u l-booster u jerġa’ jtenni l-appelli tiegħu biex il-Gvern ikun aktar pront u jantiċipa l-evoluzzjoni tal-pandemija u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi u f’isem il-poplu Malti kollu l-apprezzament mal-frontliners inkluż il-perusnal kollu impjegat mal-awtoritajiet fl-għoti tal-booster u l-contact tracing.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com