“Id-Dejn Kiber U Mhux Kawża Tal-Covid-19” – Il-Partit Nazzjonalista
Statistika ppubblikata lejliet il-Milied mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) tikkonferma kif id-dejn dejjem jiżdied tal-pajjiż huwa frott l-inkompetenza tal-Gvern u t-tberbiq ta’ fondi pubbliċi u mhux kawża tal-Covid-19. L-istatistika uffiċjali tal-Gvern stess tikkonferma kif id-dejn ta’ pajjiżna żdied b’rata allarmanti ta’ €3 biljuni – jew 54% f’sentejn biss. Dan wassal biex minn €5.3 biljun, id-dejn issa tela’ għal €8.2 biljun f’Novembru 2021.
Hekk tenniet stqarrija mill-PN fejn saħqet li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu jieqaf jipprova jwaħħal din l-inkompetenza fuq il-COVID-19, hekk kif l-informazzjoni kollha turi nefqa bl-addoċċ f’bosta oqsma tal-operat tal-gvern. Fost oħrajn żieda fenomenali f’pagi u perkaċċi għan-nies tal-qalba, kif ukoll sensiela ta’ direct orders u kuntratt suspettużi li fuqhom kemm-il darba esprima ġudizzju negattiv l-Awditur-Ġenerali.
“Fl-aħħar ġimgħat rajna kif Ministru tat €5,000 fix-xahar lis-sieħeb tagħha u ministru jikri binja għall-€31 miljun mingħajr ma jagħti spjegazzjoni dwarha. Ta’ min jinnota li fl-aħħar ġimgħat rajna wkoll lill-grupp parlamentari Laburista jivvota favur li jingħataw aktar miljuni ta’ ewro lil Steward f’deals falluti.
F’diversi pubblikazzjonijiet finanzjarji tal-Gvern stess jidher b’mod ċar li l-pandemija tkopri biss parti minn din iż-żieda bla preċedent. Infatti l-Gvern qed jittrateni milli jkompli jestendi l-sikema tal-wage supplement wara l-aħħar ta’ Jannar li ġej minħabba l-irresponsabilita’ tiegħu fit-tmexxija finanzjarja tal-fondi pubbliċi.”
L-Oppożizzjoni tappella għat-tisħiħ tar-responsabbilta’ u l-kontabilitá fl-operat tal-Gvern. Hu meħtieġ immedjatament li l-Gvern jaqbad triq ta’ sostenibbiltá finanzjarja għaliex għada pitgħada l-poplu Malti se jkollu prezz għoli xi jħallas.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Malta Fiscal Advisory Council biex iwarrab l-għamad politiku u jiġbed l-attenzjoni tal-Gvern għal dan id-dejn mhux sostenibbli. Hekk temmet l-istqarrija mill-Partit Nazzjonalista, iffirmata minn Mario de Marco- kelliem għall-Finanzi.