Materjali Li Jmissu Mal-Ikel Li Jkun Fihom Il-Plastik U L-Bamboo Mhux Awtorizzat

 Materjali Li Jmissu Mal-Ikel Li Jkun Fihom Il-Plastik U L-Bamboo Mhux Awtorizzat

Għal dawn l-aħħar xhur, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika kien qed isegwi l-użu ta’ bamboo fibres fil-materjali li jmissu mal-ikel. Il-Food Contact Materials Working Group tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dokument f’dan ir-rigward. Għalkemm anke f’Malta l-importazzjoni minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea ta’ dawn l-oġġetti twaqqfet, il-problema hemm bżonn tiġi eskalata biex il-konsumatur ikun mgħarraf u jieqaf milli juża tali materjali.

L-użu tal-bamboo mal-plastik mhuwiex awtorizzat biex jintuża ġo materjali li jmissu mal-ikel. Barra minn hekk, dawn l-aħħar snin, kien hemm anke numru ta’ notifiki permezz tas-Sistema Rapida ta’ Twissija  tal-Ikel u l-Għalf minħabba l-livelli ta’ melamine u formaldehyde li jeċċedu l-livelli indikati fir-regolamenti tal-UE. Irid jingħad ukoll li kultant il-konsumatur qed jiġi mqarraq peress li ċerti produtturi qed ibigħu dawn il-prodotti bħala ‘eco-friendly’ jew li huma ‘naturali’.

Minħabba f’hekk, il-konsumaturi qed jiġu mħeġġa ma jixtrux u ma jużawx dawn il-materjali li jinkludu platti, tazzi, pużati u affrijiet simili, li jkollhom il-plastik imħallat mal-bamboo. Prodotti li jkunu 100% bamboo bħal chopsticks jew cutting boards mhumiex involuti u jistgħu jibqgħu jintużaw.

Il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea saħansitra nediet is-sit https://ec.europa.eu/food/food/agri-food-fraud/eu-coordinated-actions/bamboo-zling_en dwar dan is-suġġett.

Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq in-numru tat-telefon 2133 7333 mis-7:30 ta’ filgħodu sat-3:30 ta’ waranofsinhar jew jibgħat email fuq [email protected]. Il-pubbliku huwa ġentilment mitlub iżur il-paġna tad-Direttorat fuq Facebook https://www.facebook.com/pages/Environmental-Health-Directorate-Malta/145027878928626?ref=hl jew is-sit uffiċjali fuq https://deputyprimeminister.gov.mt/en/environmental/Pages/Home-Page.aspx għal informazzjoni simili.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com