Il-Parroċċa Ta’ Burmarrad Tgħix Il-Ġrajja Ta’ San Franġisk. Araw X’Għamlu.
Fl-1223 San Franġisk ta’ Assisi xtaq li flimkien ma’ ħutu l-patrijiet u xi ħbieb jerġa’ jagħmel esperjenza ħajja tal-ġrajja tal-Milied. Ħeġġeġ lill-ħabib tiegħu Giovanni Velita biex iħejji kollox fi Greccio biex tkun tista’ titfakkar din l-akbar ġrajja li biddlet l-istorja tal-umanità. Minn dak iż-żmien il-presepju baqa’ għażiż ħafna għall-Franġiskani kollha.
Din is-sena l-parroċċa ta’ Burmarrad, fuq l-eżempju ta’ San Franġisk, għexet mill-ġdid din il-ġrajja. Il-patrijiet flimkien ma’ xi parruċċani ħejjew kollox fil-bitħa tal-kunvent. Xi tfal u adulti libsu ta’ raħħala, ragħajja u anġli, kien hemm il-Madonna, San Ġużepp u San Franġisk, inġiebu wkoll xi bhejjem u ftit tiben. Wara li tfakkret il-ġrajja ta’ Greccio, hekk kif kien seħħ fil-Milied tal-1223, kienet iċċelebrata l-Ewkaristija li fiha ngħixu l-Misteru ta’ Ġesù u nqimu l-Ġisem veru tiegħu.
Minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija dawk kollha li kienu preżenti kellhom ikunu bilqiegħda bl-istess mod li s-soltu jseħħ fil-Knisja, iżda l-ambjent imħejji għall-okkażjoni żgur li għin biex kulħadd jidħol fl-ispirtu tas-sempliċità u umiltà li fihom twieled il-Feddej.
It-tiben tal-maxtura li fuqha saret il-quddiesa fi Greccio kienu żammewh bħala sinjal tat-tjieba ta’ Alla li jindokra l-annimali u l-bnedmin. Għalhekk fi tmiem il-quddiesa li saret f’Burmarrad, dawk kollha preżenti ngħataw kaxxa ċkejkna bi ftit tiben u ħelu bħala tifkira.