Aqra L-Messaġġ Tal-Prim Ministru Għas-Sena L-Ġdida

 Aqra L-Messaġġ Tal-Prim Ministru Għas-Sena L-Ġdida

“Qed intemmu sena oħra li matulha d-dinja baqgħet u għadha qed tiġġieled pandemija. Iżda, huwa minnu wkoll li tul is-sena 2021 kellna diversi mumenti fejn bdejna noħorġu mill-iktar effetti iebsin tal-pandemija.

Bil-mod effettiv u effiċjenti li bih amministrajna l-vaċċin, fl-aħħar xhur kienu ħafna l-okkażjonijiet fejn għexna eqreb tan-normalità.

Issa rridu naħdmu kemm nifilħu biex is-sena d-dieħla nkunu nistgħu nibnu fuq dak li ksibna, minkejja l-isfidi li nistgħu naffaċċjaw.

Iqawwilna qalbna l-fatt li f’diversi oqsma diġà ninsabu aqwa minn kif konna qabel bdiet il-pandemija.

Għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja u l-inqas numru ta’ nies dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.  Fl-istess ħin, f’Malta llum għandna l-ikbar ammont ta’ nies sidien ta’ darhom.

Dawn huma kisbiet soċjali kbar li ftit li xejn stajna nbassru madwar sentejn ilu. Anzi, mal-mument li faqqgħet il-pandemija, it-tbassir kien bil-kontra. Imma għax ħdimna flimkien, wasalna.

Rajna fl-aħħar xhur livelli ta’ investiment li qabżu dawk ta’ qabel il-pandemija, u ekonomija li reġgħet qed tikber bl-istess saħħa ta’ qabel feġġet il-Covid-19.

L-esperti barranin ibassru li s-sena d-dieħla l-ekonomija tagħna mistennija tkun l-iktar waħda li tikber fl-Ewropa. Fl-istess ħin, bqajna naħsbu f’dawk li l-iktar għandhom bżonn appoġġ; il-pensjonanti u l-persuni b’diżabbiltà fuq quddiem nett.

Konvint li bir-rieda u l-enerġija tan-negozji ta’ pajjiżna u l-bżulija u l-ħila tal-ħaddiema tagħna, dan kollu nistgħu mhux biss insostnuh, iżda nsaħħuh u ntejbuh, minkejja d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien.

Biex nagħmlu dan possibbli bħala gvern se nibqgħu nieħdu d-deċiżjonijiet, b’konsultazzjoni, iżda b’determinazzjoni. Għax id-deċiżjonijiet kuraġġużi u sodi, kif ħadna sal-lum, iridu jibqgħu jittieħdu u mhux ikunu posposti. Hekk għamilna fl-aħħar xhur, biex minkejja l-pressjoni internazzjonali ħallejna stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, il-fuel u l-gass fost oħrajn.

Iżda, biex inżommu l-pass ta’ progress b’saħħtu, huwa kruċjali li ma nkunux arroganti quddiem il-virus tal-Covid-19.

Għalhekk, daqstant ieħor kruċjali s-sehem ta’ kull wieħed u waħda minna. Fuq quddiem nett, billi naċċettaw l-istedina biex inkomplu nitlaqqmu kontra l-Covid-19, partikolarment issa, bid-doża tal-booster. Inħeġġeġ ukoll lill-ġenituri biex ilaqqmu lil uliedhom skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Hekk inżommu b’saħħitna bħala ċittadini!

Hekk ukoll inkunu nistgħu nħallu għaddejja r-rota ekonomika u l-ħajja soċjali u kulturali tagħna, li tant hi kruċjali għall-kwalità ta’ ħajja aħjar u għas-saħħa mentali tal-poplu tagħna.

Filwaqt li bqajna u nibqgħu ffukati biex innaqqsu l-effetti tal-pandemija, bħala pajjiż u bħala poplu, irridu nibqgħu naħsbu fil-prijorità l-ġdida u kbira li għandna quddiemna: l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja li qed ngħixu.

Rajna madwarna fl-aħħar ġimgħat l-effetti tal-bidla fil-klima. Id-dinja qed tħoss tassew il-piż ta’ dan il-fenomenu.

Għamilna commitments ċari fil-COP26 li ltaqa’ fl-aħħar xhur, u anke jekk aħna pajjiż żgħir, se nieħdu l-miżuri kollha biex nagħtu s-sehem effettiv tagħna.

Inħares ’il quddiem li nibdew naraw il-frott tal-ikbar inċentivi ambjentali li qatt tnedew. Dan, kemm biex nieħdu ħsieb il-kwalità tal-arja tagħna, kif ukoll biex nieħdu ħsieb aħjar il-qalba tal-irħula tagħna.

Għalhekk l-2022 trid tkun is-sena li matulha nsaħħu iktar ħidmietna biex intejbu l-ambjent li ngħixu fih. Arja iktar nadifa u l-bżonn li nagħtu prijorità biex ikollna iktar spazji miftuħa u ppjanar iktar intelliġenti.

Mhux nieħdu l-iktar triq faċli, għax hemm fejn neħtieġu wkoll bidla radikali fil-mentalità. Iżda, jekk tassew irridu nħallu lil uliedna pajjiż aħjar, irridu nifhmu li lkoll irridu nieħdu d-deċiżjonijiet minn issa.

Urejna fl-aħħar snin bħala poplu kemm aħna lesti li nħaddnu l-bidla. U hawn ukoll ċert li nistgħu naslu jekk naħdmu flimkien, Għawdxin u Maltin.

Għax dan poplu li  jesiġi l-ogħla standards. U hekk għandu jkun.

F’bosta oqsma, bħala Prim Ministru rajt li jkollna l-qafas legali biex nilħqu livelli ġodda. Iżda iktar minn hekk, trid tikber f’kulħadd ir-rieda li ngħixu dawn l-istandards ogħla. Kultant ikunu meħtieġa deċiżjonijiet iebsin u li jweġġgħu. Però ħadthom u nibqa’ neħodhom bl-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox.

Hemm punt ieħor fejn nixtieq li s-sena d-dieħla tkun sena fejn tarana nġibu bidla kbira. Dan huwa l-mod kif naġixxu ma’ xulxin.

Bqajna naraw wisq diskors ta’ mibgħeda. Il-hate speech għadu wisq preżenti speċjalment fid-dinja online. Jekk hemm riżoluzzjoni li għandna nagħmlu hi li niġġieldu dan il-fenomenu bil-mod kif inġibu ruħna u bl-eżempju li nagħtu.

La f’qalbna, la f’dak li niktbu u wisq inqas fl-għemil tagħna m’għandu jkun hemm post għall-mibgħeda.

Nistgħu nibdlu l-liġijiet kif għamilna sa riċenti, jista’ jkollna forzi tal-ordni li jaġixxu fil-ħin, iżda l-ikbar arma għall-fejqan tibqa’ l-attitudni ta’ kull persuna.

Nenfasizza dan iktar minn qabel, għax mhux xi sigriet li s-sena d-dieħla jispiċċa l-mandat tal-gvern. Għalhekk il-poplu se jkun mitlub li jagħmel l-għażla tiegħu.

Din l-għażla trid issir f’dan l-ispirtu ta’ rispett fejn niddibattu l-ideat u l-ħsibijiet differenti u mhux nattakkaw il-persuni. Anzi, bid-diskors tagħna rridu li ngħaqqdu l-pajjiż, mhux nifirduh. Bit-tgħajjir jitlef kulħadd. Bl-ideat nibnu pajjiż isbaħ u aħjar.

Jien ottimist li pajjiżna se jibqa’ mixi ’l quddiem b’saħħtu biex jegħleb l-isfidi u joħloq l-opportunitajiet, f’soċjetà ġusta daqskemm ambizzjuża. Naslu żgur, basta nkunu magħqudin.

Il-pandemija urietna kemm aħna aktar b’saħħitna meta naħdmu lkoll flimkien.

Fuq kollox, il-kwalitajiet il-kbar tal-poplu Għawdxi u Malti huma dawk li tant naraw ħajjin f’dawn iż-żminijiet; is-solidarjetà, l-imħabba u l-kburija b’dak kollu li jagħmilna Maltin u Ewropej.

Ejja flimkien inżommu dawn il-valuri ħajjin is-sena kollha.

F’isem il-Gvern, f’isem Lydia u Giorgia Mae u f’ismi, nixtieq nawgura lill-Għawdxin u lill-Maltin kollha sena mill-aqwa.”

 

Ritratt: OPM

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com