“Min Jgħid Li Jħobb Lil Alla, Jekk Jobgħod Lil Ħuh, Dan Ikun Qiegħed Jigdeb.” – L-Arċisqof Charles Scicluna
“Nħossni xxukkjat bil-kummenti ta’ Dun David Muscat,” din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Arċisqof Charles Scicluna dalgħodu fejn waqt il-quddies li tixxandar fuq it-televiżjoni ħa l-opportunita biex fl-omelija jwassal messaġġ u l-ħsieb tiegħu dwar dak li qal ilbieraħ fuq il-mezzi soċjali Dun David Muscat, fejn qal li jekk tkun persuna LGBTIQ huwa agħar minn possessjoni mix-xitan.
L-Arċisqof Scicluna saħaq li dak li qal Dun David Muscat mhux kliem ta’ mħabba imma “ġebel mitfugħ minn qalb li għandha bżonn titgħallem tħobb lill-Ġesù.”
Waqt l-omelija l-Arċisqof Charles Scicluna talab maħfra lill-persuni gay u persuni oħra fosthom ġenituri li ħassewhom imweġġa’ bil-kliem ta’ Dun David Muscat. L-Arċisqof assigura li ħa jkun qed jieħu passi dwar dan.
Huwa temm jgħid li “min jgħid li jħobb lil Alla, jekk jobgħod lil ħuh, dan ikun qiegħed jigdeb. Tobgħod anke meta tnaqqas il-ġieħ ta’ xi ħadd.”
L-Arċisqof Charles Scicluna qal li “Alla jħobbok int min int, int kif int, int magħġun kif int magħġun.”