In-Nefqa Fuq Il-Pensjonijiet Matul Din Is-Sena Se Tilħaq Il-Biljun Ewro

 In-Nefqa Fuq Il-Pensjonijiet Matul Din Is-Sena Se Tilħaq Il-Biljun Ewro

Għall-ewwel darba fl-istorja, in-nefqa fuq il-pensjonijiet se tilħaq is-somma ta’ biljun ewro matul is-sena 2022. Din in-nefqa laħqet dan l-ammont minħabba ż-żidiet imħabbra fil-baġit għal din is-sena li issa bdew jaslu għand il-pensjonanti minn dan ix-xahar.

Dan tħabbru mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, fejn qal li matul Jannar se jkunu daħlu fis-seħħ nofs il-miżuri soċjali pjanati għal din is-sena.

“Dan l-impenn se jkompli jikber fis-snin li ġejjin għaliex nemmnu li għandna nagħtu s-sapport meħtieġ, u kemm jista’ jkun innaqqsu l-piżijiet minn fuq in-nies. Il-politika tagħna qed tasal għand in-nies u nsemmi eżempju wieħed ta’ kif qed ngħinu l-aktar vulnerabbli. Illum irnexxilna nnaqqsu b’aktar minn nofs dawk li jiddependu fuq l-assistenza soċjali, fejn illum niżlu għal 6,400 minn 14,000 fl-2013″, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Is-Segretarju Permanenti Mark Musù spjega li kull pensjonant qed igawdi minn żieda ta’ €1,687 jew 21.7% aktar ta’ dak li kien jieħu fl-2013. Sa Jannar biss, permezz tad-dħul ta’ dawn id-disa’ miżuri li  jolqtu direttament lill-familji u l-pensjonanti, se ssir b’nefqa ta’ aktar minn €30 miljun. Il-pensjonanti se jkunu l-maġġoranza tal-benefiċjarji, b’din il-ħames żieda addizzjonali fil-pensjonijiet kollha mill-2018. Kull pensjonant se jkun qed igawdi minn żieda ta’ €5 fil-ġimgħa.

Iż-żieda hija ta’ €3.25 fir-rata tal-pensjoni u €1.75 għall-għoli tal-ħajja, u l-benefiċjarji huma dawk il-Pensjonanti tal-Irtirar, tar-Romol, tal-Invalidità, u tal-Età.

Globalment din iż-żieda se tiswa €24 miljun (fuq sena), u flimkien ma’ miżuri oħra għall-pensjonanti u ż-żieda normali fin-numru ta’ pensjonanti matul is-sena, in-nefqa totali fuq pensjonijiet biss fl-2022 se tilħaq kważi biljun ewro għall-ewwel darba. Din iż-żieda se tkun il-ħames żieda konsekuttiva mill-2018 ‘l hawn, minbarra ż-żidiet sostanzjali li kienu ngħataw fl-2016 u fl-2017 għal dawk il-pensjonanti fuq il-paga minima.

Il-Pensjonanti tal-Età diġà rċevew l-ewwel pagamenti biż-żieda fil-pensjoni il-ġimgħa li għaddiet, dawk tal-Irtirar se jirċivuha mis-Sibt 8 ta’ Jannar, dawk tar-Romol se jirċivuha fil-15 ta’ Jannar, u l-Pensjonanti tal-Invalidità u dawk bil-Pensjoni Minima għandha tasal għandhom fit-22 ta’ Jannar.

Is-Segretarju Permanenti Mark Musù elenka wkoll il-miżuri l-oħra li se jidħlu fis-seħħ minn dan ix-xahar stess. Fil-fatt se tidħol fis-seħħ iż-żieda ta’ €100 fil-bonus li beda jitħallas fl-2020 għal kull twelid ġdid jew adozzjoni – bonus li se jiżdied għal €400 kull wild. Dawk li jieħdu l-Assistenza Soċjali għall-ewwel darba se jibdew jirċievu ż-żieda għall-Għoli tal-Ħajja sħiħa.

Jidħol ukoll fis-seħħ it-twessigħ tal-limitu tal-kapital għal min ikun ilu mill-anqas ħames snin jieħu l-Pensjoni tal-Età Non-Kontributorja u jiret xi assi jew jagħti donazzjonijiet lill-ulied. Intant, persuni fuq il-Pensjoni tal-Invalidità li jgħixu mal-ġenituri tagħhom se jibdew jiġu ttrattati bħala persuni li jgħixu għal rashom għall-fini tal-Assistenza għal-Mard, filwaqt li se jitneħħew l-aħħar ftit testijiet tal-mezzi biex wieħed jikkwalifika għall-Assistenza għal Diżabiltà Severa u l-Assistenza għal Diżabiltà.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com