Malta U R-Renju Unit Bi Ftehim Li L-Liċenzji Tas-Sewqan Ta’ Xulxin Jibqgħu Rikonoxxuti
Il-liċenzja tas-sewqan Maltija u Ingliża se jibqgħu jkunu rikonoxxuti fil-pajjiżi ta’ xulxin.
Dan tħabbar minn Transport Malta dalgħodu wara li l-Gvern Malti u dak tar-Renju Unit iffirmaw Memorandum ta’ Ftehim rigward l-iskambju tal-liċenzji tas-sewqan bejn iż-żewġ pajjiżi.
Transport Malta spjegat li dan il-ftehim jinkludi wkoll it-territorji tal-Bailiwick ta’ Guernsey, il-Bailiwick ta’ Jersey u l-Isle of Man.
B’dan il-ftehim, m’hemmx bżonn li d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn kwalunkwe pajjiż japplika u joqgħod għal test prattiku.
Il-kategoriji kollha li huma preżenti u validi fuq il-liċenzja tas-sewqan oriġinali jkunu inklużi fuq il-kontroparti skambjata.
Dan il-ftehim jidħol fis-seħħ b’mod immedjat u se jibqa’ fis-seħħ sat-28 ta’ Frar 2022.
Ritratt: autocar.co.uk