Anzjani Jistgħu Jibbenefikaw Minn €7,000 Fis-Sena Biex Jkollhom Carer F’Darhom

 Anzjani Jistgħu Jibbenefikaw Minn €7,000 Fis-Sena Biex Jkollhom Carer F’Darhom

Matul il-Baġit għal din is-sena, il-gvern alloka €3.5 miljun għall-iskema Carer at Home.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw dettalji dwar din l-iskema, li permezz tagħha anzjani jingħataw għajnuna finanzjarja biex jimpjegaw carers kwalifikati tal-għazla tagħhom biex jgħinuhom fil-bżonnijiet tagħhom fid-dar privata. Dan mingħajr ma jitilfu d-dritt li jibbenefikaw minn servizzi addizzjonali offruti mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Permezz taż-żieda allokata, il-benefiċċju taħt din l-iskema se jkun qed jiżdied minn €6,000 għal €7,000 fis-sena.

Ġie spjegat li dawk li jixtiequ japplikaw għandhom jissottometti formola ta’ applikazzjoni li tiġi evalwata mit-tim tal-CommCare fi ħdan id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

L-applikant jkun jeħtieġ li jsib u jimpjega carer kwalifikat/a li jkollu/jkollha d-dokumentazzjoni ta’ kwalifiċi meħtieġa, ftehim ta’ impjieg notarili u dokument uffiċjali minn Jobsplus, li jindika li l-carer ikun/tkun reġistrat/reġistrata bħala impjegat/a mal-applikant. Ladarba tiġi sottomessa d-dokumentazzjoni, id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jidħol fi ftehim ta’ servizz u l-benefiċċji jibdew jitħallsu direttament fil-kont bankarju tal-benefiċjarju.

Il-benefiċċju massimu jitħallas lil dawk li jimpjegaw carer fuq bażi full-time u l-ħlas isir kull xahar. Dawk li jagħżlu arranġament part-time jingħataw ħlas pro-rata skont is-sigħat involuti.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li sal-lum hemm 573 anzjan li qed jibbenefikaw minn din l-iskema.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com