Inawgurata Boutique Hotel Ġdida F’Tas-Sliema B’Investiment Ta’ €1.5 Miljun
B’investiment ta’ ’l fuq minn €1.5 miljun ġiet inawgurata boutique hotel ġdida f’Tas-Sliema.
Din l-akkomodazzjoni ser tingħaqad mal-firxa wiesgħa ta’ faċlitajiet turistiċi li diġà jeżistu f’din il-lokalità turistika.
L-għan ta’ din il-boutique hotel ser ikun li tattira klijentela b’interess kummerċjali li jinvestu f’pajjiżna.
Dan sar magħruf waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u d-Direttur Maniġerjali ta’ din l-akkomodazzjoni s-Sur Christian Gravina.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal li din il-boutique hotel ser tkompli ssaħħaħ il-prodott turistiku li joffru Tas-Sliema u San Ġiljan.
“Madwar 40% tat-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin jagħżlu lil Tas-Sliema u San Ġiljan għall-akkomodazzjoni tagħhom. Għalhekk huwa importanti li nkomplu ninvestu bis-sħiħ f’iżjed infrastruttura ta’ kwalità f’dawn il-lokalitajiet,” kompla jgħid il-Ministru.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia rrimarka kif akkomodazzjoni ta’ din l-għamla tkompli tassigura li t-turisti li jiġu f’pajjiżna jkollhom togħma eżatta ta’ dak li joffri pajjiżna lil’hinn mill-baħar u x-xemx.
Min-naħa tiegħu d-Direttur Maniġerjali Christian Gravina faħħar l-impenn tal-Gvern li kontinwament qiegħed ikun ta’ spalla mas-settur privat b’numru ta’ skemi bħal dik tal-wage supplement.
Ritratti: DOI