Tħabbar Investiment Ta’ €13-il Miljun Fi Proġett Ta’ Shore-To-Ship Fil-Port Ħieles
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi taw dettalji dwar il-proġett ta’ shore-to-ship mill-Korporazzjoni Freeport, fil-Port Ħieles.
Kien spjegat kif mat-tmiem tas-sena li għaddiet ħareġ it-tender b’rabta mal-proġett, li jfisser li fix-xhur li ġejjin, wara li jkun magħżul il-bidder, jibdew ix-xogħolijiet fil-Port Ħieles.
“Il-Gvern, permezz ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea u mill-fondi tal-Korporazzjoni, ser jinvesti madwar €13-il miljun f’dan il-proġett li minnu ser jibbenefikaw ir-residenti tal-madwar. Dan il-proġett massiv se jindirizza inkonvenjent għar-residenti li ilu snin. Proġett li se jissiġilla l-impenn tal-Port Ħieles li jadatta u jadotta b’mod immedjat għal metodi ġodda t’operat li jiffavorixxu iżjed l-ambjent,” qal il-Ministru Schembri.
Il-Ministru Schembri spjega kif studju li sar u li ġie kkumissjonat mill-Awtorità tal-Port Ħieles taha stampa ċara dwar il-benefiċċji ta’ dan il-proġett.
“Il-proġett se jwassal għal tnaqqis drastiku t’emissjonijiet fl-arja u anke ħsejjes tal-magni jaħdmu. Ġeneralment, vapur fil-Port Ħieles idum sorġut 24 siegħa. Ta’ min jinnota li s-sena li għaddiet daħlu madwar 1600 vapur f’Terminal 1 u Terminal 2. Permezz ta’ dan il-proġett ta’ onshore power supply, ser ikunu ffrankati madwar 4,000 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju fl-arja kull sena. L-istudju wera li bl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, wieħed ikun qisu neħħa 1,900 karozza mit-triq jew ħawwel 130,000 siġra jew naqqas l-emissjonijiet minn konsum ta’ dawl ta’ 1,200 dar,” spjega l-Ministru Schembri.
Il-Ministru Schembri żied jgħid li wara li jidħlu l-applikazzjonijiet, għall-ħabta ta’ Ġunju huwa ppjanat li jibda x-xogħol li se jieħu madwar sentejn. Dan se jsir b’koordinament sħiħ sabiex ikun żgurat li l-operat tal-Port Ħieles jibqa’ għaddej.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq ukoll fuq il-benefiċċji li se jgawdu minnhom ir-residenti ta’ Birżebbuġa u tal-inħawi, bit-tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet u l-ħsejjes tal-vapuri. Huwa qal li fondi mit-€33 miljun li Malta ġiet allokata mill-Just Transition Fund tal-Unjoni Ewropea ħa jkunu ddedikati għal dan il-proġett. Il-proġett tal-onshore power supply se jgħin lill-pajjiż jilħaq il-miri ambjentali Ewropej li nnaqqsu l-emissjonijiet tal-pajjiż b’55% sal-2030 u li l-Ewropa tkun ħielsa mill-emissjonijiet tal-karbonju sas-sena 2050. Is-Segretarju Parlamentari rrefera wkoll għal proġetti oħra li qed ikunu ko-finanzjati mill-Just Transition Fund fosthom iċ-charging pillars mal-pajjiż u investimenti biex ikollna mezzi tat-trasport li jħammġu inqas. Il-proġett tal-onshore power supply fil-Freeport huwa ħolqa oħra fil-katina ta’ proġetti ambjentali li għandhom l-għan li jħarsu s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.
Ritratti: DOI