Studenti B’ Xogħol Volontarju Mal-Anzjani Bħala Parti Minn Proġett Tas-Systems Of Knowledge

 Studenti B’ Xogħol Volontarju Mal-Anzjani Bħala Parti Minn Proġett Tas-Systems Of Knowledge

Grupp ta’ studenti qed jagħmlu xogħol volontarju ma’ numru ta’ anzjani billi jgħinuhom ikabbru l-għarfien tagħhom fl-uzu tat-teknoloġija tal-informatika, juruhom kif jużaw il-media soċjali, kif jaċċessaw aħbarijiet u attivitajiet kurrenti, u kif jikkuntattjaw lill-qraba u l-ħbieb, fost oħrajn. Il-ħin iddedikat għal dawn is-sessjonijiet mill-istudenti huwa akkreditat bħala parti mill-istudji tagħhom fil-proġett tas-Systems of Knowledge.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia żar iċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva f’Marsaskala, fejn grupp ta’ anzjani qed jipparteċipaw f’dan il-programm ta’ taħriġ. Huwa qal li permezz ta’ dan il-proġett, il-Kumitat għall-Proġetti Interġenerazzjonali tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed jgħin biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn żgħażagħ u persuni ikbar fl-età.

Il-Ministru Michael Farrugia zied jgħid li proġetti interġenerazzjonali għandhom diversi benefiċċji, kemm għall-ġenerazzjonijiet iżgħar fl-età kif ukoll għall-anzjani.

“Dawn il-proġetti jsaħħu l-għaqda fil-komunità u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u jnaqqsu s-solitudni li tista’ twassal għal diversi kumplikazzjonijiet. Jagħmlu wkoll effett pożittiv fuq is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, jgħinu fis-saħħa mentali, inaqqsu l-ansjetà u l-anzjani jħosshom iktar utli fis-soċjetà.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com