Dirett: Elezzjoni Għall-President Tal-Parlament Ewropew

 Dirett: Elezzjoni Għall-President Tal-Parlament Ewropew

Ftit tal-ħin ilu ngħata bidu għall-proċess elettorali sabiex jinħatar il-President tal-Parlament Ewropew il-ġdid, minn fost 750 Membru Parlamentari Ewropew.

Qabel bdew id-diskorsi ġie konfermat li Kosma Zlotowski il-kandidat Pollakk tal-Konservattivi u Riformisti, irtira l-kandidatura tiegħu mill-elezzjoni. Issa t-tliet kandidati għall-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew huma kollha nisa.

Roberta Metsola se tikkontesta f’isem il-Partit Popolari Ewropej, filwaqt li hemm żewġ kontestanti oħra, Alice Bah Kuhnke hija l-kandidata Svediża li se tirrappreżenta l-Partit tal-Ħodor u l-European Free Alliance u Sira Rego il-Membru Ewroparlamentari Spanjola li se tirrappreżenta lill-Partiti tax-Xellug.

Dan l-artiklu qed ikun aġġornat bl-iżviluppi kollha…

9:20am

Fid-diskors tagħha u aktar tard permezz ta’ Tweet fuq Twitter, il-kandidata Roberta Metsola qalet li tixtieq tara lill-Ewropej jemmnu fl-Ewropa. Bil-ħidma tagħha tixtieq li jitkattru mill-ġdid it-tama u l-entużjażmu fil-proġett Ewropew. Hija tenniet ukoll li ser taħdem sabiex tieqaf favur il-valuri li jgħaqqdu lill-Ewropej.

Fid-diskors tagħha ma naqasx li tagħmel referenza għal Malta, li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna dejjem għaraf kif jagħmel suċċess fil-familja Ewropeja.

9:30am

Bħalissa l-Membri Parlamentari Ewropew ġew mgħotija link diġitali sabiex ikunu jistgħu jivvutaw minn djarhom jew mill-uffiċini rispettivi tagħhom. Wara dan il-proċess li mistenni jdum sal-10.15am ser jibda l-proċess tal-għadd.

L-ewwel riżultat jitħabbar għal ħabta tal-11am fejn fl-eventwalita’ ta’ maġġoranza jkun magħruf min ser jokkupa l-kariga ta’ President għal dawn is-sentejn u nofs. Il-maġġoranza ser tkun ibbażata fuq il-voti validi.

10:15am

Il-votazzjoni biex jkun elett il-President tal-Parlament Ewropew għas-sentejn u nofs li ġejjin issa hija magħluqa.

11:05am

Roberta Metsola tirbaħ l-elezzjoni sabiex jinħatar il-President tal-Parlament Ewropew il-ġdid b’458 vot.

11:11am

Il-lingwa Maltija tidwi fil-plenarja hekk kif Roberta Metsola tagħmel l-ewwel diskors tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew.

Segwi dirett:

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com