Il-Banda Beland Taż-Żejtun B’Surmast Direttur Ġdid

 Il-Banda Beland Taż-Żejtun B’Surmast Direttur Ġdid

Is-Soċjetà Mużikali Beland, ħabbret il-ħatra ta’ Mro. Gordon Baldacchino bħala Surmast Direttur tal-Banda Beland, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022.

Fi stqarrija ntqal li Mro. Gordon Baldacchino huwa iben is-Soċjetà. Huwa beda l-ewwel taħriġ tiegħu fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Beland, fejn fl-1994 ingħaqad mal-istess banda jdoqq it-Trumbetta taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Frank Mercieca. Aktar tard, huwa kompla jistudja l-istess strument ġewwa l-Iskola tal-Mużika Johann Strauss, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Paul Busuttil. Fl-istess żmien huwa beda jitħarreġ fit-teorija tal-mużika ma’ Mro. Ray Sciberras, biex mal-istess Surmast kompla jistudja wkoll l-armonija, l-kontrapunt, l-orkestrazzjoni, l-arti tal-arranġament u d-direzzjoni fuq livell avvanzat. Huwa kiseb ALCM fil-kompożizzjoni fl-2015, u kompla jistudja ma’ Mro. Ray Sciberras f’livell ta’ Baċċellerat.

Mro. Gordon Baldacchino għamel numru twil ta’ snin jokkupa r-rwol ta’ Solista bil-kurunetta. Fl-2011 huwa nħatar bħala Assistent Surmast Direttur tal-Banda Beland, u fl-istess żmien beda wkoll jgħallem it-teorija mal-istess Banda.

Huwa kien ukoll membru attiv f’diversi kummissjonijiet fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Beland, u għal diversi snin serva fil-Kumitat Direttiv tas-Soċjetà.

Il-Kumitat tas-Soċjetà Mużikali Beland irringrazzja mill-qalb ukoll lil Mro. Ray Sciberras, li għal dawn l-aħħar 19-il sena mexxa b’tant kompetenza, għaqal u dedikazzjoni lill-Banda Beland.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com