Il-PN Jibqa’ Jinsisti Biex F’Pajjiżna Tirrenja S-Saltna Tad-Dritt

 Il-PN Jibqa’ Jinsisti Biex F’Pajjiżna Tirrenja S-Saltna Tad-Dritt

“Bħala oppożizzjoni determinati li fin-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Prim Ministru Robert Abela, se nkunu aħna li se nibqgħu nippersistu biex is-saltna tad-dritt verament tirrenja f’dan il-pajjiż.”

Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ilbieraħ fil-Parlament waqt li kien qed jippreżenta mill-ġdid l-Abbozzi ta’ Liġijiet li jindirizzaw r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern ilu jipprova jsib mod li jevita diskussjoni fil-Parlament dwar dawn l-abbozzi ta’ liġijiet. “Il-Prim Ministru l-ewwel ħatar kumitat biex jindirizza xi aspetti tal-libertá tal-ġurnaliżmu. Qatra f’oċean. Imbagħad sejjaħ dan l-abbozz Gimmick. Issa qed jiġi bl-iskuża li l-abbozz li fih 12-il abbozz ieħor huwa money bill.”

L-Oppożizzjoni reġgħet qed tippreżenta dawn it-tnax-il abbozz maqsumin f’żewġ gruppi.

L-ewwel abbozz fih ħdax-il abbozz li fihom ma għandhom l-ebda referenza għall-possibiltá ta’ money bill.

Il-Kap tal-PN saħaq li l-Oppożizzjoni qed  tagħmel il-ħajja aktar faċli, biex il-Gvern ma jibqax jevita d-diskussjoni.

Fit-tieni abbozz preżentat hemm l-abbozz li jitlob il-ħatra ta’ Maġistrat inkwirenti biex jiġġieled il-kriminalità organizzata u l-kriminalità fil-Gvern. Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-Prim Ministru jekk verament irid joħroġ pajjiżna mil-lista l-griża jrid tinvesti f’din l-għodda. Irid jinħatar maġistrat inkwirenti speċjali.

Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu taħt dan l-Att il-Maġistrat Inkwirenti Speċjali għandu jaġixxi b’mod indipendenti u m’għandux ikun soġġett għad-direzzjoni jew il-kontroll ta’ kwalunkwe persuna jew awtorità oħra, ħlief skont il-liġi prevista.

Il-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja għandu jipprovdi lill-Maġistrat Inkwirenti Speċjali b’bini xieraq għall-uffiċċju tiegħu; u għandu b’konsultazzjoni mal-Maġistrat Inkwirenti Speċjali jiddetermina l-ħtiġiet ta’ impjegati tal-uffiċċju tiegħu u għandu jassenja uffiċjali pubbliċi għall-uffiċċju tal-Maġistrat Inkwirenti Speċjali kif xieraq.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li t-telqa u t-tkaxkir tas-saqajn mhu se jwasluna mkien. L-iskop tal-Partit Nazzjonalista hu li jagħmel l-ħajja faċli għad-diskussjoni. Bl-għan ewlieni jkun dak li l-pajjiż jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com