Il-Ministru Owen Bonnici Jiltaqa’ Mal-Bord Tal-Awtorità Dwar L-Użu Responsabbli Tal-Kannabis

 Il-Ministru Owen Bonnici Jiltaqa’ Mal-Bord Tal-Awtorità Dwar L-Użu Responsabbli Tal-Kannabis

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici ltaqa’ mal-Bord tal-Awtorità l-ġdida dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis.

Dan il-bord twaqqaf fl-10 ta’ Jannar wara d-dħul fis-seħħ tal-Att dwar l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis fil-jiem preċedenti.

Il-Ministru Bonnici rringrazzja liċ-Chairperson Eżekuttiva Mariella Dimech u lill-membri kollha ta’ dan il-bord talli aċċettaw li jservu f’din ir-riforma daqstant importanti. Huwa qal li l-membri ġabu magħhom esperjenza vasta, diversa u awtorevoli li tispira fiduċja ta’ serjetà fit-tħaddim ta’ din il-liġi.

Dr Bonnici kkonkluda li l-awtorità għandha tara li jitwettqu bl-aħjar mod l-obbligi kollha imposti fuqha u saħaq li huwa b’dan il-mod li jrid jinbena rispett wiesa’ mis-soċjetà lejn din il-ħidma li se tagħmel differenza għall-aħjar fuq ħafna livelli.

L-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis għandha diversi funzjonijiet importanti, fosthom li taġixxi ta’ regolatur għal kull assoċjazzjoni “non-profit” li l-attivitajiet tagħha jkunu jinvolvu l-kultivazzjoni u l-pussess tal-kannabis għat-tqassim fost il-membri tagħha, li jridu jkunu adulti.

L-awtorità għandha wkoll l-obbligu li torganizza u tippromwovi kampanji edukattivi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis imsejsa fuq fatti xjentifiċi filwaqt li tingħata informazzjoni ċara u imparzjali dwar ir-riskji u l-elementi l-oħra tal-użu tal-kannabis b’referenza għall-età u b’kontenut xieraq.

Ritratti (MFER)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com