Ħames Ġuvintur Jinżammu Arrestati Wara Li Kienu Akkużati Li Ħatfu Mekkanik Fir-Rabat

 Ħames Ġuvintur Jinżammu Arrestati Wara Li Kienu Akkużati Li Ħatfu Mekkanik Fir-Rabat

Ħames ġuvintur li tressqu l-Qorti lbieraħ filgħaxija nżammu arrestati fil-ħabs ta’ Kordin. Huma ġew akkużati li ħatfu raġel minn Triq it-Tabija, ir-Rabat. Huma ġew akkużati wkoll li serqu l-mobile tal-vittma, €1,000 fi flus kontanti u mazz ċwievet, li heddew u żammewh kontra l-volontà tiegħu.

Il-ħames akkużati huma Christian Borg ta’ 28 sena mis-Swieqi, Thorne Mangion ta’ 27 sena minn Ħal Qormi, Tyson Grech ta’ 26 sena mill-Isla, Burton Azzopardi ta’ 20 sena minn Bormla u Jeremy Borg ukoll ta’ 20 sena minn Ħal Qormi. Erba’ mill-akkużati huma riċedivi. Huma wieġbu li mhumiex ħatja għall-akkużi.

Il-vittma jaħdem bħala mekkanik u qal lill-Pulizija li kien jaf lil dawk kollha li ħatfuħ u li kien ħadem ma’ wieħed minnhom. L-akkużati qed jallegaw li seraq minn għandhom sitt karozzi u vann li jiswa mat-€30,000 li qattgħu biċċiet. Jidher li l-Pulizija qed tinvestiga dwar dan ukoll u m’eskluditx li tressqu l-Qorti wkoll.

L-Ispettur Roderick Attard qal li l-każ seħħ il-Ġimgħa li għadda u l-imputati ħatfu lill-allegat vittma minn quddiem il-garaxx tiegħu u daħluh ġo vann.

Ingħad ukoll li l-vittma rnexxielu jiżgiċċa f’Raħal Ġdid u mar l-Għassa tal-Pulizija biex jagħmel rapport. Filmati minn kameras tas-sigurtà kkonfermaw dak li qal l-allegat vittma.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għax argumentat li m’għandhiex serħan il-moħħ li l-akkużati mhux se jagħmlu reat ieħor u għax għad iridu jixhdu nies pajżana.

Il-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet il-ħelsien mill-arrest fid-dawl tal-gravità tal-każ u d-dubji li kienu se josservaw il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tagħhom, filwaqt li nnotat li wħud mill-akkużati kienu diġà akkużati li kisru l-libertà proviżorja.

L-Ispetturi Roderick Attard u Sarah Kathleen Zerafa, flimkien mal-Avukati Karl Muscat u Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxew il-Prosekuzzjoni.

Għal Christian Borg dehru l-avukati Giannella De Marco, Gianluca Caruana Curran u Michael Sciriha. Thorn Mangion kien rappreżentat mill-avukati Michael Sciriha u Roberto Spiteri. Tyson Grech kien rappreżentat mill-avukati Franco Debono, Alex Scerri Herrera u Jason Grima. Jeremy Borg kien assistit mill-avukat Jason Grima. Għal Burton Azzopardi dehru l-avukati Franco Debono Marion Camilleri u Francesca Zarb.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com