Il-Ftehim Bejn Il-Gvern U L-FKNK Fuq L-Art Tal-Miżieb U L-Aħrax Huwa Wieħed Regolari

 Il-Ftehim Bejn Il-Gvern U L-FKNK Fuq L-Art Tal-Miżieb U L-Aħrax Huwa Wieħed Regolari

Il-Ftehim li kien sar lura f’Ottubru tal-2020 bejn il-Gvern u l-FKNK huwa “wieħed regolari u mhux vizzjat fid-deċiżjoni meħuda.”

Dan ikkonfermatu l-Maġistrat Charmaine Galea dalgħodu wara li l-Bird Life u għadd ta’ NGOs oħra kienu fetħu rikors dwar dan il-ftehim li kien sar. Huma kienu allegaw li dan il-ftehim kien sar b’mod sigriet u li “l-Gvern qed jibqa’ għaddej bħal gaffa fuq l-opinjoni pubblika.”

Il-Ministru għal-Għawdex responsabbli wkoll mill-Kaċċa, Clint Camilleri kien qal li dan il-ftehim kien qed jiġi ippublikat fl-intier kollu tiegħu, “għaldaqstant diskors li dan il-ftehim huwa wieħed sigriet hija xi ħaġa li mhux minnha.”

Il-Ministru Camilleri spjega wkoll li r-riservi tal-Miżieb u tal-Aħrax ilhom jiġu amministrati mill-FKNK sa mill-1986. Għaldaqstant “dan il-ftehim ma jibdel xejn għajr li qiegħed jirregola dak li fil-prattika kien diġà qiegħed fis-seħħ tul dawn l-aħħar snin.”

L-NGOs kienu qajmu l-argument li dawn ir-riservi kienu se jkunu magħluqa u mhux aċċessibbli għall-pubbliku. It-Tribunal dwar dan ukoll qal li l-aċċess liberu għal dawn ir-riservi se jibqa’ matul is-sena kollha, ħlief fil-ħinijiet tal-kaċċa. Dan huwa neċessarju għas-salvagwardja tal-pubbliku.

It-Tribunal tenna “li b’differenza ta’ artijiet oħra li l-Gvern ikkonċeda lill-privat u anke għaqdiet volontarji oħra, dan is-sit mhux se jiġi magħluq b’xi grada jew trid tħallas biex taċċedi għalih. Dan is-sit se jibqa’ miftuħ u għalhekk jista’ jiġi gawdut minn kulħadd.”

Il-Ministru Camilleri saħaq li dan il-ftehim jassigura li l-FKNK tkun obbligata tissalvagwardja l-ambjent naturali tas-siti. Dan permezz ta’ numru ta’ obbligi li l-ERA poġġiet fil-ftehim kif ukoll permezz ta’ infurzar mid-Direttorat tal-Awtorità.

It-Tribunal tenna li jifhem li l-għaqdiet volontarji rikorrenti u l-FKNK jista’ jkollhom opinjoni differenti u jħarsu lejn aspetti soċjali u kulturali b’mod differenti. “Però dan ma jfissirx li xi ħadd minnhom għandu jkollu l-esklussivita fuq l-ieħor.” Bħal dan il-ftehim saru diversi oħra ma’ għaqdiet oħra li ngħataw konċessjonijiet ta’ art pubblika jew binjiet biex jimmaniġjawha, fejn uħud minnhom anke qed jingħataw għajnuna finanzjarja mill-Gvern biex iwettqu dan.

Għaldaqstant it-Tribunal iddeċieda li dan il-ftehim li sar fid-9 ta’ Ottubru bejn il-Gvern u l-FKNK fil-preżenza tal-Ministru Ian Borg, Aaron Farrugia u Clint Camilleri, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Chris Agius huwa wieħed regolari.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com