“Il-PN Jagħti Lura L-Miljuni Li L-Gvern Laburista Ilu Jisraq Mill-Kontijiet Tad-Dawl U L-Ilma” – Il-PN

 “Il-PN Jagħti Lura L-Miljuni Li L-Gvern Laburista Ilu Jisraq Mill-Kontijiet Tad-Dawl U L-Ilma” – Il-PN

“Il-Partit Nazzjonalista hu l-Gvern Alternattiv li jrid jindirizza t-tħassib u l-uġigħ tan-nies, partikolarment bl-isfidi li qed iġib miegħu l-għoli tal-ħajja. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi fost l-oħrajn li jagħti lura bħala kumpens il-miljuni li l-Gvern Laburista ilu jisraq minn bwiet il-poplu Malti u Għawdxi mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.”

Dan huwa kliem il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Mark Anthony Sammut matul konferenza tal-aħbarijiet. Dan wara li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kkonferma kif il-pjaga tal-għoli tal-ħajja qed tkompli tgħaddas lill-familji Maltin u Għawdxin.

Quddiem dan il-fatt, il-PN qed itenni l-appell lill-Gvern biex jagħti lura l-flejjes li daħħal minn dan is-serq istituzzjonalizzat. U dan għandu jsir mhux biss għax hekk għandu jkun, iżda biex il-familji jkunu megħjuna fil-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja.

Mark Anthony Sammut spjega li quddiem din ir-realtà, il-Gvern mhux talli mhu qed jagħmel xejn, talli baqa’ jberbaq il-flus. Bħalma għamel maċ-Chief of Staff ta’ Chris Fearne, Carmen Ciantar, li qed tingħata 13,000 ewro fix-xahar f’kuntratt approvat minn Robert Abela u li, minkejja li ġab il-kundanna tal-Awditur Ġenerali, Fearne qal li xorta jħallih fis-seħħ. “Barra minn hekk, meta nofs il-ħaddiema tal-Air Malta se jitilfu xogħolhom minn mal-linja nazzjonali tal-ajru, il-propagandista ewlieni tal-Labour Karl Stagno Navarra se jibqa’ jieħu l-għexieren tal-eluf.”

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliema dwar il-Politika Soċjali Claudette Buttigieg, li qalet li l-PN qed iressaq il-proposti wara li jisma’ l-karbiet tan-nies. Min-naħa l-oħra, pajjiżna għandu Gvern Laburista medhi jagħti l-eluf lill-PL, għax wara li għamel hekk bl-Australia Hall, issa ta madwar 30,000 ewro f’reklamar tal-Gvern Laburista esklussivament lill-gazzetta tal-PL. “Żewġt iħdud ilu l-gazzetta Laburista kellha suppliment ta’ 32 paġna mimli logos ta’ Ministri jew Ministeri, f’sinjal ċar li l-Gvern għadda flus lill-Partit Laburista b’dan il-mod. Skont ir-rata tar-reklamar tal-gazzetta, kull reklam minn dawn jiswa 950 ewro.” Claudette Buttigieg fakkret kif dan seħħ minkejja li anke l-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia saħqet li r-reklamar tal-Gvern għandu jsir b’mod ekwu u mhux diskriminatorju.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem dwar il-Ġlieda kontra l-Faqar Ivan Bartolo qal li filwaqt li l-PL mhux jifhem lil dawk il-familji li kkollassaw quddiem l-għoli tal-ħajja, il-PN qed ikompli jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Hu stqarr kif  minkejja li l-pjaga tal-għoli tal-ħajja reġgħet kienet ikkonfermata mill-NSO, hu ċar li l-Gvern ta’ Robert Abela m’għandux ħeġġa jindirizzaha. “Minflok, il-Gvern Laburista hu medhi f’inkwiet intern u fit-tberbiq tal-flus. U għax għal-Labour, il-fqir hu biss numru, qed jieħu mill-bwiet ta’ min qiegħed lura u qed jagħtihom lil min hu ta’ ġewwa,” temm jgħid Ivan Bartolo.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com