Il-Kummissarju Ewropew Għas-Saħħa Bi Kliem Ta’ Tifħir Għal Malta Waqt Żjara F’Pajjiżna

 Il-Kummissarju Ewropew Għas-Saħħa Bi Kliem Ta’ Tifħir Għal Malta Waqt Żjara F’Pajjiżna

“Nawgura lil Malta talli mill-bidu nett kontu mexxejja fil-programm ta’ vaċċinazzjoni”, qalet il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakidou fi tmiem iż-żjara tagħha f’pajjiżna, fejn irringrazzjat lil Malta għall-kooperazzjoni eċċellenti matul il-pandemija.

Il-Kummissarju Kyriakidou aċċennat għal diversi drabi l-istorja ta’ suċċess ta’ kif pajjiżna tmexxa tul il-pandemija, speċjalment wara ż-żjara li għamlet fiċ-ċentru ta’ vaċċinazzjoni fl-Università ta’ Malta fejn tkellmet ma’ diversi tfal u adulti li kienu preżenti sabiex jirċievu l-vaċċin.

Qalet ukoll li Malta hija eżempju ta’ kif l-Unjoni Ewropea tista’ tgħin liċ-ċittadini Ewropej jaċċessaw il-mediċini neċessarji, u tkellmet dwar il-pass li jmiss tal-joint procurement mechanism – li jinxtraw il-mediċini li qed ikunu żviluppati għall-pazjenti li jsofru sintomi ħarxa tal-COVID-19. Hija rringrazzjat ukoll lil Malta għall-appoġġ għall-proposti Ewropej għas-saħħa li wasslu biex twaqqfet l- Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) – awtorità Ewropea li se tgħin lill-Unjoni Ewropea tkun ippreparata iżjed għal kriżijiet tas-saħħa simili għall-COVID-19 li jistgħu jinqalgħu fil-futur.

Il-Kummissarju Ewropew żaret ukoll is-Sir Anthony Mamo Oncology Centre, fejn tkellmet ma’ diversi ħaddiema u rat il-livell għoli ta’ kura li jingħataw il-pazjenti f’dan iċ-ċentru. Hija faħħret u rringrazzjat lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa kollha għall-ħidma sfiqa tagħhom.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tkellem dwar kif sa issa, 98% tal-popolazzjoni Maltija tlaqqmet b’żewġ dożi filwaqt li 76% tal-adulti rċevew il-booster tal-vaċċin kontra l-COVID-19. Huwa spjega li din ir-rata għolja wasslet biex pajjiżna beda jirrilaxxa iżjed miżuri restrittivi.

Huwa rringrazzja lill-Kummissarju għall-isforzi tagħha li wasslu sabiex il-pajjiżi Ewropej kollha kellhom aċċess għall-vaċċin fl-istess jum, u saħaq li huwa important li l-Istati Membri juru solidarjetà ma’ pajjiżi terzi u jagħtu donazzjonijiet tal-vaċċini, kif qed tagħmel Malta.

Chris Fearne tkellem ukoll dwar l-appoġġ li wriet l-Unjoni Ewropea lil pajjiżna u Stati Membri żgħar oħra, li jaċċessaw il-mediċini mir-Renju Unit, wara Brexit, u appella għal soluzzjoni fit-tul sabiex kull ċittadin Ewropew ikun assigurat aċċess għall-mediċini f’kull ħin.​​​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com