“Tgħallimna Mill-Iżbalji Tal-Passat U Qed Naraw Li Nipproponu Politika Li Tpoġġik Fiċ-Ċentru” – Il-PN

 “Tgħallimna Mill-Iżbalji Tal-Passat U Qed Naraw Li Nipproponu Politika Li Tpoġġik Fiċ-Ċentru” – Il-PN

“Il-ħaddiem Malti bil-paga staġnata waqt li Abela u sħabu tal-qalba bil-paga rduppjata…Għalik €1.75c, għalih €17,000…Min idabbar €17,000 fix-xahar f’konsulenzi mill-Gvern ma jistax iħoss il-weġgħa tan-nies, u wisq anqas jista’ jindirizzaha.”

Dan kif il-messaġġ tal-konferenza stampa tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Kelliem Ewlieni Peter Agius flimkien mal-kandidati Rebekah Cilia u Darren Carabott.

Waqt din il-konferenza ntqal li bil-Partit Laburista fil-Gvern għal dawn id-disa’ snin, id-dħul ta’ Robert Abela u tal-ftit tal-qalba miegħu żdiedu b’aktar minn 100% filwaqt li l-paga tal-ħaddiem Malti żdiedet biss 4% li lanqas biss ikopru l-għoli tal-ħajja li f’Diċembru kien ta’ 4,9% fuq l-ikel biss.

Il-Kelliema tal-PN qalu li dan joħroġ ċar mil-Labour Force Survey tal-NSO li juri li f’għaxar snin, id-dħul tal-ħaddiem żdied biss b’ €505 euro u cioe 4% meta tqabbel is-snin 2011 mas-sena 2021. Dan meta l-għoli tal-ħajja għal Diċembru biss żdied b’4,9%. “Dan ifisser li l-paga tal-ħaddiem Malti hija effettivament staġnata, filwaqt li d-dħul ta’ dawk tal-qalba irdoppja jew trippla bħar-retainer ta’ Abela u l-paga ta’ Carmen Ciantar.”

“Issa jrid mingħalih jgħamina biċ-ċekk ta’ €100, u cioe €8 fix-xahar meta l-prezz tal-ikel sploda u meta jinsisti li ma jagħtix lura s-serq fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.” Saħaq il-PN, filwaqt li tenna li din hija mossa tal-elezzjoni b’miżuri li fil-gran parti tagħhom diġà ġew imħabbra b’pompa kbira fil-baġit. “Robert Abela irid itina s-soppa msaħħna metri għalih warrab €17,000 fix-xahar.”

“Tgħallimna mill-iżbalji tal-passat. Il-messaġġ tal-poplu għall-bidla fhimnieh u qed naraw li nipproponu politika li tpoġġik fiċ-ċentru. Nibdew mill-għoli tal-ħajja u l-pagi tal-ħaddiema: Gvern ġdid Nazzjonalista jara li pajjiżna jimxi lejn living wage fejn id-dħul tiegħek effettivament jirrifletti l-bżonnijiet tiegħek, fejn inti taħdem biex tgħix mhux tgħix biex taħdem. Dan irid isir pari passu ma investiment qawwi fuq il-kompetittività tal-ekonomija Maltija, inkluż mil-miżuri mħabbra fejn aħna ser ngħinu lil kull min jesporta u jimporta li jikkompeti fuq livell internazzjonali.” Tenna l-PN, filwaqt li saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jkun hemm monitoraġġ kontinwu u serju tal-qagħda tal-faqar f’pajjiżna b’poverty watch li effettivament tintervjeni fejn meħtieġ.

Il-Kelliema tal-PN temmew jgħidu li jrid ikun Gvern ġdid Nazzjonalista li jsewwi r-reputazzjoni ta’ Malta, li jara li l-ekonomija taħdem għalik u li jifforma kull politika bik fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com