Nisa Miżżewġa Li Jkunu Ħallsu Mill-Anqas 10 Snin Bolol Se Jkunu Jistgħu Jikkwalifikaw Għall-Pensjoni Ridotta

 Nisa Miżżewġa Li Jkunu Ħallsu Mill-Anqas 10 Snin Bolol Se Jkunu Jistgħu Jikkwalifikaw Għall-Pensjoni Ridotta

Għat-tieni sena konsekuttiva, se tidħol fis-seħħ il-miżura biex jitjiebu d-dħul u l-għajxien ta’ persuni li għalkemm kellhom mill-anqas 10 snin bolol, ma kinux qed jikkwalifikaw għall-pensjoni. Din il-miżura tolqot l-aktar lin-nisa miżżewġa, li jekk ħallsu mill-anqas 10 snin bolol, anke jekk hemm minnhom qabel l-età ta’ 19-il sena jew jekk ma ħallsux bolol wara Jannar tal-1979, qed jingħataw id-dritt li jikkwalifikaw għall-minimu ridott tal-pensjoni taż-żewġ terzi.

Il-proċess biex dan iseħħ mistenni jintemm sa Marzu. B’kollox, fuq sentejn, madwar 2,000 persuna se jkunu gawdew minn din il-miżura u qed jirċievu pensjoni għall-ewwel darba ta’ madwar €50 fil-ġimgħa. Il-Ministru Michael Falzon qal li fi tmiem din il-ġimgħa se tkun implimentata din il-miżura li verament turi l-qalb soċjali ta’ dan il-gvern u l-viżjoni li għandu biex jagħti aktar għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u mis-Segretarju Permanenti, Mark Musù. Waqt il-konferenza ngħataw iktar dettalji dwar benefiċċji oħra li se jingħataw fix-xahar ta’ Frar. Se tkun implimentata l-għotja li jirċevuha persuni fl-età ta’ 75 sena u aktar li jgħixu fi djarhom jew mal-qraba. Mill-2020, bdiet tingħata wkoll lil dawk l-anzjani li jħallsu minn buthom biex jgħixu fi djar privati tal-anzjani.

Dawk fl-età ta’ bejn 75 u 79 sena jieħdu għotja ta’ €300 fis-sena, u fl-istess waqt jekk ikunu intitolati, jitħallsu l-bonus għal min ma jikkwalifikax għal pensjoni kontributorja. L-għotja għall-benefiċjarji ta’ 80 sena u aktar żdiedet għal darba oħra b’€50 għal €400 fis-sena.

Is-Segretarju Permanenti Mark Musù qal li l-pensjonanti romol se jitħallsu żidiet oħra dovuti bis-saħħa ta’ miżura li daħlet fis-seħħ din is-sena biex fuq medda ta’ snin, il-pensjoni tagħhom gradwalment tiżdied sakemm tilħaq il-pensjoni sħiha tal-konjuġi tagħhom. Madwar 12,000 pensjonanti romol se jibbenefikaw minn titjib fir-rati tal-pensjoni sa madwar €5 fil-ġimgħa.

B’hekk, flimkien maż-żieda normali fil-pensjoni tagħhom li diġà bdew jirċievu, iż-żieda globali tagħhom tista’ titla’ b’kollox sa madwar €10 fil-ġimgħa jew €520 fis-sena. In-nefqa fuq din il-miżura se tilħaq aktar minn €3 miljun.

Intant, bis-saħħa ta’ żewġ miżuri oħra, aktar minn 3,200 pensjonant tas-servizz se jibdew igawdu minn żidiet fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom. Il-Carer’s Grant se tiżdied b’€200 u se titla’ għal €500 fis-sena. Din l-għotja titħallas lil dawk il-ġenituri li jkollhom jibqgħu d-dar biex jikkuraw ulied adulti b’diżabilità severa. Persuni li jirċievu l-Pensjoni għal Korriment fuq Xogħol mhux se jkollhom aktar tnaqqis minn benefiċċji kontributorji oħra li jistgħu japplikaw għalihom.

“Permezz tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri sal-aħħar ta’ Frar, se jkunu implimentati diġà 71.4% tal-miżuri soċjali tal-Baġit 2022. Din hi xhieda ċara ta’ kemm dan il-gvern qed jaħdem fil-qasam soċjali u li ma jieqaf qatt jindirizza każijiet li jeħtieġu għajnuna u mbuttatura ’l quddiem”, ikkonkluda l-Ministru Michael Falzon.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com