Marsovin Tinvesti €4 Miljuni F’Operat Sostenibbli U Effiċjenti
Kumpanija lokali li tipproduċi l-inbid qed tinvesti €4 miljun f’makkinarju aktar effiċjenti u timxi lejn operat aktar sostenibbli. L-investiment li qed isir minn Marsovin Winery Ltd se jgħin lill-kumpanija timmodernizza l-operat tagħha biex tkun aktar kompetittiva filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà.
Dan ħabbritu il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli waqt żjara lill-kumpanija, akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia. Iż-żjara tmexxiet mill-Kap Eżekuttiv Jeremy Cassar, li huwa r-raba’ ġenerazzjoni tal-familja li qed imexxi dan in-negozju.
L-investiment se jsir fuq medda ta’ tliet snin, grazzi għall-għajnuna mogħtija mil-Malta Enterprise, biex b’hekk Marsovin tkompli tiżviluppa u tipproduċi kwalità għolja ta’ nbejjed. F’dan l-investiment, Marsovin qed timxi mal-element ta’ sostenibbiltà fejn se tinvesti f’makkinarju modern li għandu jtejjeb il-produzzjoni u l-effiċjenza. L-investiment li se jsir fit-teknoloġija Industry 4.0 se jkompli jżid l-effiċjenza u jsaħħaħ il-kompetittività. Permezz ta’ din it-teknoloġija, Marsovin se tassigura l-kwalità tal-prodott filwaqt li tgħin biex titnaqqas il-ħela.
F’kummenti, il-Ministru Dalli qalet li, “Marsovin huwa eżempju ieħor ta’ negozji tal-familja li mexa maż-żminijiet u kiber. Dan l-investiment se jkompli jwassal biex dan in-negozju jkompli jiddiversifika, hekk kif Marsovin qed tara li tiftaħ l-għelieqi tagħha għall-agrituriżmu. Però, mhux hekk biss, permezz ta’ dan l-investiment qed jaraw li jinbidel il-makkinarju għal wieħed modern u effiċjenti, b’impatt minimu fuq l-ambjent”.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Marsovin Jeremy Cassar qal li, “Dan l-investiment se jġib lil Marsovin ’il quddiem fil-kapaċitajiet tiegħu fejn tidħol il-produzzjoni, se jappoġġa wkoll l-isforzi tagħna biex ninvestu fis-sostenibbiltà permezz tal-iskema tagħna tar-ritorn tal-fliexken li hija l-aktar sistema li tirrispetta l-ambjent għall-produzzjoni tax-xorb fi ħġieġ. Barra minn hekk, l-investiment f’dan il-makkinarju se jippermettilna wkoll nespandu l-portafoll tagħna ta’ prodotti u nkunu innovattivi b’kunċetti ġodda ta’ xorb”.
Ritratt: DOI