“Nagħtu Tama U Wens Lill-Familji” – Il-PN Bi 13-il Proposta Dwar Il-Kura Tal-Kanċer

 “Nagħtu Tama U Wens Lill-Familji” – Il-PN Bi 13-il Proposta Dwar Il-Kura Tal-Kanċer

Propju fil-jum dinji tal-kanċer, il-Partit Nazzjonalista qal li jeħtieġ li ntaffu l-impatt tal-marda fuq il-ħajja tan-nies billi ntejbu s-servizzi ta’ kura paljattiva.

Waqt konferenza stampa quddiem iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo mmexxija mill-Kelliem Ewlieni Peter Agius flimkien mal-Kelliem għas-Saħħa t-tabib Stephen Spiteri, ntqal kif fl-aħħar snin saru avvanzi kbar fil-ġlieda kontra l-kanċer, anke f’pajjiżna, grazzi għal ħafna professjonisti dedikati, tejjibna bi kbir iċ-ċans ta’ rkupru minn din il-marda.

Il-Kelliema tal-PN qalu li rridu nkunu ferm aktar ambizzjużi kif ukoll nagħtu tama ġdida billi nkomplu ninvestu. “L-Ewropa tista’ tgħin aktar f’dan permezz tal-Beating Cancer Plan li mistenni jixpruna era ġdida ta’ riċerka u investimenti fir-riċerka u l-kura tal-kanċer.”

Il-PN qal li fl-2013 pajjiżna għamel investiment għaqli billi ġew triplikati s-sodod disponibbli għall-kura, żdiedu l-faċilitajiet ta’ riċerka, djanjozi u kura, kif ukoll infetaħ ic-Ċentru Sir Anthony Mamo.

“Dan l-isptar inbena b’nefqa biss ta’ €8 miljun – iva ġie jiswa €55 miljun però l-maġġor parti tan-nefqa ħarġitom l-Unjoni Ewropea – dak huwa l-għaqal fit-tmexxija,” tennew il-Kelliem tal-PN.

Huma komplew jgħidu li dan jikkuntrasta mat-tmexxija fis-saħħa preżenti fejn il-Gvern ta 3 sptarijiet li qed jitmexxew bil-profitt tal-privat flok bis-servizz pubbliku bħala prinċipju gwida. “Din is-sena biss ser jonfoq €69 miljun. Għal dan il-poplu Malti mhux qed jara riżultat.”

Il-Partit Nazzjonalista waqt din il-konferenza ressaq 13-il-proposta studjata dwar il-kanċer. Fost dawn il-proposti jeħtieġ:

  • Jitwaqqaf Clinical Research Unit li jagħti l-opportunita ta’ trial ta’ prodotti farmaċewtiċi innovattivi. Dan mhux biss jagħti tama ġdida lill-familji permezz tal-aktar soluzzjonijiet avvanzati, iżda jkabbar il-potenzjal ta’ Malta fis-settur tal-Life Sciences;
  • Niżviluppaw aktar ftehim bilaterali ma’ pajjiżi bi speċjalizzazzjoni f’tipi ta’ kura partikolari (eż. il-Ġermanja) biex il-pazjenti jgawdu mill-kura ta’ kwalita għolja anke jekk din ma tkunx offruta f’Malta.
  • Noħolqu Walk-In Clinic li jopera 24 siegħa kuljum biex jagħti assistenza immedjata lill-pazjenti u lill-familjari tagħhom. Ma’ dan, inwaqqfu sistema diġitali ta’ electronic health għall-pazjenti tal-onkoloġija li jkunu qed jiġu ttrattati mid-dar sabiex ikunu jistgħu jiġu segwiti millprofessjonisti b’mod remot u aktar effettiv;
  • Nintroduċu sistema moderna ta’ Ambulatory Chemotherapy biex il-pazjenti jkunu jistgħu jiġu assistiti minn djarhom stess. Dan jgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjonijiet ulterjuri filwaqt li jkunu mmexxija aħjar ir-riżorsi fissi tal-isptarijiet; Il-komoterapija ambulanti u l-kemoterapija l-oħra fl-isptar tibda tiġi provduta wkoll mill-isptar ġenerali ta’ Għawdex biex jiġi evitat l-iskariġġ għal pazjenti Għawdxin li jridu jieħu l-kemoterapija regolarment ġo Malta.
  • Nallokaw il-finanzjament neċessarju biex noffru l-kura mingħajr ħlas permezz ta’ mediċini first-line kif ukoll second-line li jkunu approvati mill-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea;
  • Il-formolarju għandu jiġi aġġornat biex joffri l-aktar mediċini ġodda mingħajr il-bżonn li l-pazjenti jiddependu fuq entitajiet oħra u li jiżgura li l-gvern iqassam il-fondi pubbliċi aħjar;
  • Jitwaqqaf Drug Fund li jkopri indikazzjonijiet speċifiċi biex pazjenti li jkunu eliġibbli jsibu l-għajnuna b’mod awtomatiku mingħajr il-bżonn ta’ proċessi burokratiċi;

“B’dawn il-proposti pajjiżna jkun jista’ jagħmel il-pass li jmiss fil-ġlieda kontra l-kanċer favur il-familji Maltin u Għawdxin,” temmew jgħidu Agius u Spiteri.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com