Skema Ta’ Għajnuna Finanzjarja Għas-Sajjieda

 Skema Ta’ Għajnuna Finanzjarja Għas-Sajjieda

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali fetaħ it-tieni sejħa tal-iskema ta’ għajnuna finanzjara għas-sajjieda minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Din l-iskema ser tkun miftuħa għas-sajjieda li ma applikawx għall-ewwel sejħa ta’ applikazzjonijiet. Is-sajjieda kollha eliġibbli ntbagħtitilhom l-applikazzjoni, u huma mħeġġa japplikaw bejn is-7 ta’ Frar 2022 u t-28 ta’ Frar 2022.

“Kif diġà ħabbarna fl-ewwel sejħa tal-iskema s-sena l-oħra, €800,000 ġew allokati minn fondi nazzjonali biex nassistu lis-sajjieda kollha fi sfond ta’ pandemija. Għall-ewwel sejħa, id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura rċieva 506 applikazzjoni. Dan ifisser li dawn is-sajjieda diġà bbenefikaw minn investiment ta’ €688,100. Dawk li ma applikawx għall-iskema inizjali issa qed jingħataw l-opportunità japplikaw u jibbenefikaw mit-tieni sejħa”, qal il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali.

L-eliġibbiltà hija bbażata wkoll fuq il-kategorizzazzjoni tal-liċenzja tal-bastiment (MFA & MFB) fis-sena 2020. Taħt din l-iskema, l-għotja ta’ €700 ġiet stabbilita bħala dik minima fil-każ li dgħajsa tkun reġistrata bħala MFA, u minimu ta’ €350 f’għotja fil-każ li dgħajsa tkun reġistrata bħala MFB. L-għotja massima tilħaq il-€5,000.

Applikazzjonijiet iffirmati u li għandhom id-dokumenti kollha meħtieġa annessi mal-istess applikazzjoni għandhom jinbgħatu bil-posta lill-Front Office tad-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura, kif ukoll fl-Uffiċini tal-Ħatt tal-Ħut (Malta u Għawdex), jew fl-Uffiċċju tal-Uffiċjali tas-Sigurtà fl-Għammieri, il-Marsa. Hekk kif jaslu l-applikazzjonijiet, id-Dipartiment jagħmel il-verifiki neċessarji biex jiddetermina li l-pagamenti jaslu b’mod korrett.

F’każ ta’ diffikultà jew mistoqsijiet l-applikanti jew dawk interessati jistgħu jċemplu l-uffiċċju inkarigat mill-fondi tad-Dipartiment fuq 2292 6859 jew jibgħatu email fuq: [email protected].

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com