Il-Partit Laburista Jgħid Li L-PN Qed Jigdeb Dwar It-Tnaqqis Fit-Taxxa

 Il-Partit Laburista Jgħid Li L-PN Qed Jigdeb Dwar It-Tnaqqis Fit-Taxxa

“Il-Partit Nazzjonalista tant jinsab politikament iddisprat u mehdi fil-politika tal-passat li issa spiċċa jivvinta gidba dwar it-tnaqqis fit-taxxa li beda jingħata lin-nies fl-2016. Miżura li kienet saret biex iktar nies gawdew mir-roħs fit-taxxa.”

Kien dan il-messaġġ tal-Partit Laburista b’reazzjoni għal dak li qalet l-oppożizzjoni dwar l-allegat serq maħsub fit-taxxa fuq id-dħul.

“Dan wara li l-Gvern kien diġà implimenta l-wegħdi li l-Partit Nazzjonalista ma wettaqx. Biż-żewġ miżuri f’daqqa kulħadd beda jgawdi minn traħħis tat-taxxa. Eventwalment beda jingħata wkoll ċekk ta’ rifużjoni biex in-nies baqa’ jibqagħlhom iktar flus fil-but,” saħaq il-PL.

Ġie spjegat kif min illum jaqla’ €25,000 u jagħmel dikjarazzjoni singola qed jibqagħlu €645 fil-but, €560 jekk ġenitur u €230 jekk tkun kompjutazzjoni ta’ miżżewġin.  Dan meta tqabbel ma kemm kien iħallas taxxa fl-2012.

Il-PL kompla jispjega li min jaqla’ €30,000 illum għandu €1,145 f’inqas piż ta’ taxxa jekk jagħmel dikjarazzjoni singola, €1,060 jekk hu ġenituri u €240 jekk tkun kompjutazzjoni miżżewġa. Dan meta tqabbel ma kemm kien iħallas taxxa fl-2012.

“Iktar minn hekk ġenitur li kien jaqla’ €10,000 fl-2012 kien iħallas €105. Illum dawn in-nies ma jħallsu ebda income tax u jieħdu ċekk ta’ €135. Biex marru €240 aħjar mit-taxxa biss,” tenna l-PL.

Fl-istqarrija l-PL sostna li dawn huma biss ftit eżempji ta’ kif il-Gvern ħalla iktar flus fil-but. “Prova oħra tal-gideb tal-Partit Nazzjonalista.”

Il-PL temm jgħid li l-PN qed jerġa’ juża politika tal-passat kif għamel sal-ġimgħa l-oħra meta l-Gvern reġa’ wera li hu man-nies u se jħalli €70 miljun oħra fi bwiet in-nies bl-inizjattiva tat-tax refund u ċ-ċekk addizzjonali.

Ritratt: BBC

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com