Investiment Ta’ €12.5 Miljun Fuq 100 Triq Rurali Fl-2021

 Investiment Ta’ €12.5 Miljun Fuq 100 Triq Rurali Fl-2021

B’investiment ta’ €12.5 miljun, l-aġenzija Infrastructure Malta wettqet xogħlijiet li jvarjaw minn bini mill-ġdid sa tiswijiet fuq 100 triq rurali fl-2021.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Delimara.

Il-Ministru Ian Borg semma kif ħafna minn dawn it-toroq rurali kienu tħallew mingħajr manutenzjoni u abbandunati għal ħafna snin.

“Is-sigurtà tan-nies tibqa’ prijorità assoluta għalina. Dawn it-toroq kienu spiċċaw fi stat diżastruż u anke perikolużi kemm għall-bdiewa kif ukoll għar-residenti, u għal oħrajn li jużaw dawn ir-rotot kwieti għall-mixi, il-ġiri u r-rota. Dan għalina hu inaċettabbli. B’hekk fhimna is-sitwazzjoni u rajna kif nibdew ħidma effettiva sabiex lill-bdiewa u lill-dawk kollha li jagħmlu użu minn dawn it-toroq igawdu minn toroq b’infrastruttura tal-ogħla kwalità. Rajna li l-bidwi ikollu ambjent sikur u adegwat fejn jaħdem u jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Dan hu l-mod kif dan il-gvern soċjali jisma’ u jara li tassew ħadd ma jitħalla barra”, qal il-Ministru Borg.

Mit-twaqqif tagħha fis-sena 2018, l-aġenzija Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet fi 330 triq fil-kampanja f’aktar minn 30 lokalità differenti. Bħalissa għaddej il-bini mill-ġdid jew it-tiswijiet fuq 22 triq rurali oħra, filwaqt li xogħlijiet f’diversi oħrajn huma ppjanati għax-xhur li ġejjin.

Fost dawn ix-xogħlijiet intlaħaq qbil mal-bdiewa biex ċertu qabdiet tal-ilma tax-xita jkunu konnessi ma’ ġibjuni agrikoli fil-qrib sabiex dan l-ilma jintuża għal tisqija.

Infrastructure Malta bħalissa qed taħdem ukoll mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex tirriċerka u tittestja materjali ġodda għall-pavimentar li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u li jistgħu jiġu adottati għall-uċuħ ta’ dawn it-toroq fil-futur.

L-aġenzija installat 41.5 kilometri ta’ netwerks ta’ taħt l-art ġodda fit-toroq rurali li aġġornat fl-2021 li jinkludu pajpijiet tal-ilma, tal-internet u servizzi oħra ta’ telekomunikazzjoni. Il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta użaw 46,400 tunnellata ta’ asfalt u konkos biex ilestu s-37 kilometru ta’ toroq rurali li nbnew mill-ġdid fl-2021.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com