It-Trakk Tilef Il-Kontroll, Laqat Is-Central Strip U Nqaleb – Jitlef Ħajtu Raġel Ta’ 28 Sena
Illum, għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħodu, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Aldo Moro, il-Marsa.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li Trakk Daf, misjuq minn raġel ta’ 56 sena residenti Bormla, tilef il-kontroll, laqat is-central strip u nqaleb.
B’kawża ta’ dan, l-affarijiet tal-ħadid li kienu fit-trakk waqgħu u ġew fuq mutur Kymco Agility, misjuq minn raġel min-Nepal ta’ 28 sena residenti l-Imsida, filwaqt li t-trakk baqa’ jitkaxkar u waqa’ fuq żewġ karozzi, Hyundai I20, misjuqa minn raġel ta’ 39 sena mill-Maldovja, u Audi A1, misjuqa minn raġel ta’ 52 sena residenti s-Swieqi.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu. Ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa imma sfortunatament, ġie iċċertifikat mejjet ftit wara.
Il-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda ġrieħi. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.