L-Underpass Fl-Imrieħel Tidħol Fi Stadju Ġdid
Hekk kif ix-xogħlijiet ta’ tħaffir waslu biex jitlestew, l-aġenzija Infrastructure Malta se tidħol fi stadju ġdid tal-proġett tal-Underpass tal-Imrieħel fejn il-ħaddiema issa se jibdew jibnu l-ħitan tal-mina, ħabbar il-Ministru Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret waqt li ġew segwiti x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq il-proġett.
Imniedi fl-2021, il-proġett tal-Underpass tal-Imrieħel se joffri mina ġdida ta’ 60 metru li tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel, fil-junction tal-Imrieħel biswit l-uffiċini tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji.
Il-Ministru Ian Borg qal, “Dan se jkun proġett infrastrutturali ieħor li apparti li se jkun qed jikkumplimenta s-Central Link, se jkun qed ikompli jtaffi l-problema ta’ traffiku u tal-konġestjoni f’dawn in-naħat. Però, mhux biss. Aħna gvern li dejjem enfasizzajna u nkomplu nenfasizzaw dwar l-importanza tas-sigurtà tan-nies u għalhekk f’kull proġett li nagħmlu, mill-iżgħar sal-ikbar, il-prijorità tibqa’ li naċċertaw ruħna li n-nies huma siguri. Għaldaqstant se naraw li jiġu introdotti passaġġi aktar siguri kemm għall-utenti kif ukoll għaċ-ċiklisti li permezz tagħhom inkunu qed noffru iżjed mobbiltà u nkunu qed noffru konnessjonijiet aħjar u aktar siguri li jgħaqqdu lil Birkirkara, lill-Imrieħel u lil Ħal Balzan ma’ Triq il-Ħofor, triq rurali li twassal għal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi.”
L-aġenzija Infrastructure Malta qed tibda ttella’ aktar minn 290 pannell tal-konkos precast biex jiffurmaw il-ħitan tal-mina tagħha. Dawn il-pannelli se jkunu s-sapport għas-saqaf tal-mina, li mbagħad tinkesa bir-roundabout il-ġdida u l-passaġġi li jwasslu għaliha, bil-passaġġi għall-utenti u għaċ-ċiklisti u anke żoni oħra ta’ pajsaġġ.
L-underpass il-ġdid mistenni jinfetaħ fit-tieni nofs tal-2022.