Ħidma Kollettiva Sa Tard Bil-Lejl Biex Triq Aldo Moro Dalgħodu Nfetħet B’Mod Sigur
Bla dubju wara l-inċident traġiku li seħħ ilbieraħ fi Triq Aldo Moro, il-Marsa bosta nies li nzertaw kienu għaddejjin raw ħerba u forsi kienu xxukjati wkoll b’dak li seħħ.
Kienet ġurnata impenjattiva għal forzi tal-ordni kollha li ħaddmu sa tard bil-lejl sakemm sa dalgħodu kulmin għadda minn din it-triq innota triq imnaddfa u b’diversi ħsarat li saru tranġaw ukoll bi sforz kollettiv ta’ diversi entitajiet governattivi u dawk privati.
Tkellimna ma’ rappreżentant tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni fejn spjegalna x-xogħol kollu li kien jinvolvi f’operazzjoni bħal tal-bieraħ. Id-Diviżjoni kienet imsejħa fuq il-post tal-aċċident sabiex hekk kif tlesta x-xogħol marbut mal-inkjesta seta’ jibda t-tindif ta’ din ż-żona u jerġgħu jġibu din it-triq arterjali sigura mill-aktar fis possibbli.
Kienet operazzjoni li ħadet ħafna ħin u kellhom jissejħu wkoll ħaddiema li kienu standby sabiex sa dalgħodu l-pubbliku seta’ jerġa’ juża t-triq b’mod sigur.
Infrastructure Malta qalet ukoll li kien hemm aktar minn 80 metru ta’ crash-barriers li nqalgħu u matul il-lejl kellhom jerġgħu jitwaħħlu mill-ġdid.
Grazzi lil-ħaddiema kollha li mingħajr daqq ta’ trombi jaħdmu bla waqfien f’sitwazzjonijiet diffiċli.