Madwar 1,000 Persuna Fis-Sena Se Jgawdu Mir-Rifużjoni Tal-Ispejjeż Tal-Mediċini Tal-IVF

 Madwar 1,000 Persuna Fis-Sena Se Jgawdu Mir-Rifużjoni Tal-Ispejjeż Tal-Mediċini Tal-IVF

Madwar 1,000 persuna fis-sena li tagħmel użu mill-IVF se tgawdi mill-mediċini b’xejn li se jiddaħħlu fuq il-formularju tal-Gvern, u sakemm dawn il-mediċini jkunu daħlu kollha se tkun qed tingħata rifużjoni lil persuni li ġew bżonnhom mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena ’l quddiem.

Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet. Id-Deputat Prim Ministru qal li s-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-IVF fl-Isptar Mater Dei huma kollha bla ħlas, fosthom il-konsulenzi, l-ultrasounds, il-proċess tal-embrijoloġija, il-counselling waqt u wara t-trattament,  il-pick-ups, u l-embryo transfers. Il-Ministru Fearne spjega li fi kliniċi privati dan il-proċess jiġi jiswa madwar €15,000, filwaqt li fil-każ ta’ gamete donation, li wara l-bdil tal-liġi din tista’ ssir u qed issir f’pajjiżna wkoll, l-ispiża titla’ għal madwar €20,000 għal ċiklu wieħed. Ma’ dawn, issa se jiżdiedu l-mediċini li jiswew minn €500 sa €3,000 u aktar għal kull ċiklu ta’ IVF.

“Bdejna l-proċess ta’ procurement, li jimxi ma’ regoli lokali u Ewropej, però peress li dan il-proċess jieħu fit-tul, mill-1 ta’ Jannar 2022 u sakemm ikunu fuq il-formularju tal-Gvern, se nkunu qegħdin ngħinu lil persuni li jużawhom b’mod finanzjarju. Dan ikompli jagħmel kuraġġ lil dawk il-persuni li jixtiequ jkollhom it-tfal,” qal id-Deputat Prim Ministru. “Kburi ngħid li mill-2014, meta bdejna noffru s-servizz tal-IVF mill-isptar Mater Dei, sal-lum twieldu 252 tarbija, filwaqt li 24 mara għadha fil-proċess li qed tistenna tarbija,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Il-Ministru Fearne fakkar kif is-sena li għaddiet ir-rata ta’ suċċess, it-‘take home baby rate’, tal-IVF f’pajjiżna kienet ta’ 21.5%, rata li tħabbatha sew ma’ ta’ ċentri oħra barra minn Malta. Id-Deputat Prim Ministru qal li din is-sena fl-ART clinic f’Mater Dei qed jerġa’ jinqabad ir-ritmu ta’ qabel il-pandemija u aktar minn hekk huwa mistenni li jibda jsir l-irkupru taċ-ċikli li ma sarux minħabba l-pandemija.

It-Tabib Ewlieni tal-Gvern Walter Busuttil spjega li l-formoli tar-rifużjoni tal-mediċini jistgħu jinkisbu mill-ART Clinic tal-Isptar Mater Dei, fejn se tingħata l-għajnuna neċessarja biex jinkisbu dawn ir-rifużjonijiet.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com