Il-PN Bi Proposti Biex Ikompli Jsaħħaħ Il-Forzi Dixxiplinati F’Pajjiżna
Il-Partit Nazzjonalista ħabbar li l-membri tal-korpi dixxiplinati wara 25 sena servizz ikunu jistgħu jibqgħu jaħdmu mal-korpi u jitħallsu ta’ xogħolhom, u fl-istess ħin ikunu jistgħu jirċievu l-pensjoni tas-servizz sħiħa li huma intitolati għaliha.
F’konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputati Beppe Fenech Adami u Graziella Galea, il-PN spjega l-wegħda li qed jagħmel mal-membri kollha tal-forzi dixxiplinati ta’ pajjiżna: tal-Korp tal-Pulizija, tal-Forzi Armati, tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Faċilitajiet Korrettivi.
“Huwa inġust li dawn l-uffiċjali qed ikollhom jitilqu minn xogħol li ħadmu għal snin twal biex imorru jaħdmu ma’ xi aġenzija oħra tal-Gvern jew mal-privat ħalli jkunu jistgħu jieħdu l-pensjoni tas-servizz li għandhom dritt għaliha u fl-istess ħin jirċievu paga. Min-naħa l-oħra, irridu nħeġġuhom jibqgħu fil-korpi għax neħtieġu l-ħiliet, it-talenti u l-esperjenza tagħhom. U għalhekk qed nagħmlu din il-wegħda li tant ġiet apprezzata mill-uffiċjali tal-korp għax tagħmel ġustizzja magħhom,” spjega Beppe Fenech Adami.
“Matul l-aħħar snin rajna membri tal-korpi dixxiplinati demotivati, diskriminati u demoralizzati, u dan ikompli jnaffar it-talent milli jingħaqad mal-korpi dixxiplinati tagħna. Hu inkwetanti ferm li fl-aħħar snin tlifna wħud mill-aqwa talenti li kellna fil-korpi dixxiplinati tagħna u fl-istess ħin, minħabba tmexxija Laburista ħażina, m’aħniex nattiraw l-aqwa talent lejn il-korpi,” kompla jgħid Fenech Adami.
Fil-konferenza tkellmet ukoll id-Deputat Graziella Galea li spjegat l-importanza tas-serenità u tas-sodisfazzjon fost il-membri tal-korpi għax dawn jirriflettu ruħhom fis-soċjetà kollha.
Qalet, “Nemmnu li investiment fil-korpi dixxiplinati u fl-uffiċjali ta’ esperjenza tagħhom hu investiment qawwi fil-ġid tal-komunitajiet tagħna. Serħan il-moħħ u motivazzjoni fost l-uffiċjali tal-korpi jissarrfu f’aktar serħan il-moħħ u sigurtà fil-lokalitajiet tagħna u fost l-anzjani tagħna.”
“Minbarra li Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech jipprovdi kundizzjonijiet aħjar, iwessa’ l-community policing għal-lokalitajiet kollha, u jwettaq pjan għal patroling u dawl aħjar f’ċertu nħawi tal-gżira biex nindirizzaw il-kriminalità, qed inwiegħdu b’tant sodisfazzjon li nagħtu pensjoni tas-servizz sħiħa lill-membri kollha li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu fil-korpi wara 25 sena servizz. B’hekk qed nuru r-rieda politika tagħna li bil-fatti ninvestu bis-sħiħ fil-korpi dixxiplinati tagħna,” temmet tgħid Graziella Galea.