Jason Azzopardi B’Evidenza Li Miljuni Ta’ Flus Miġbura Miċ-Ċitazzjonijiet Spiċċaw Fil-But Ta’ Persuni Qrib Ħafna Tal-PL

 Jason Azzopardi B’Evidenza Li Miljuni Ta’ Flus Miġbura Miċ-Ċitazzjonijiet Spiċċaw Fil-But Ta’ Persuni Qrib Ħafna Tal-PL

F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius u mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, ingħataw iżjed dettalji dwar miljuni ta’ ewro minn ċitazzjonijiet imħallsa li qatt ma waslu għand l-awtoritajiet, u minflok spiċċaw fil-bwiet ta’ persuni qrib ħafna il-Partit u l-Gvern Laburista, bil-kompliċità sħiħa ta’ uffiċjali pubbliċi aġevolati mill-Gvern Laburista.

“Kull ċittadin ta’ pajjiżna għandu d-dritt għat-trasparenza u li jkun jaf eżattament x’qed jiġri bi flusu,” qal il-Kelliem Ewlieni Peter Agius, “U għalhekk, il-Prim Ministru Robert Abela għandu ħafna xi jwieġeb rigward ir-racket żvelat mid-Deputat Azzopardi li jinvolvi kompliċi fi Transport Malta u fil-LESA biex miljuni ta’ ewro miġbura miċ-ċitazzjonijiet spiċċaw fil-but ta’ persuni qrib ħafna l-Partit Laburista.”

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi spjega li dalgħodu għadu kemm preżenta l-informazzjoni u l-evidenza kollha li semma waqt l-intervent tiegħu fil-Parlament jumejn ilu lil żewġ spetturi tal-FCID, u għadda wkoll kull evidenza li kellu lill-Pulizija.

“Filwaqt li wrejt lill-Pulizija li t-tender ta’ Transport Malta mogħti lil kumpanija ta’ Christian Borg ma kellu qatt jingħata minħabba sentenza ta’ stupru fil-konfront ta’ persuna involuta, ippreżentajt evidenza ta’ racket li seraq il-miljuni tal-ewro minn ħalq il-Maltin, u li jinvolvi persuni intimi mal-Partit Laburista, fosthom persuna li ngħatat promozzjoni wara l-oħra biex ikollha kariga għolja fi Transport Malta, u persuna oħra fil-LESA,” qal id-Deputat Jason Azzopardi.

Huwa saħaq li s’issa 48 siegħa wara, il-Prim Ministru għadu ma wieġeb l-ebda mistoqsija dwar dan, u l-Gvern Laburista għadu ma ċaħad l-ebda akkużi.

Jason Azzopardi f’isem il-Partit Nazzjonalista irringrazzja l-ħidma kollha li qed twettaq il-midja indipendenti f’pajjiżna biex tibqa’ toħroġ il-verità dwar il-qrubija tal-kriminali mal-PL.

“Filwaqt li bħala Partit Nazzjonalista se nibqgħu impenjati u determinati li nikxfu x-xbieki u ċ-ċrieki tal-kriminalità fil-Gvern Laburista li qed jisirqu l-miljuni minn kullimkien u jtappnu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna mad-dinja, se nkunu qed nibqgħu nippreżentaw ħemel ta’ proposti ta’ ġid u fejda għall-poplu Malti u Għawdxi biex kulħadd jagħraf li l-Partit Nazzjonalista huwa tim imħejji biex jiggverna dan il-pajjiż bl-aqwa ideat għall-futur immedjat u aktar fit-tul,” temm jgħid Peter Agius.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com