Titwaqqaf L-Awtorità EquestriMalta Li Se Tkun Responsabbli Mill-Isport Taż-Żwiemel F’Pajjiżna

 Titwaqqaf L-Awtorità EquestriMalta Li Se Tkun Responsabbli Mill-Isport Taż-Żwiemel F’Pajjiżna

Ingħata bidu għal paġna ġdida għall-isport taż-żwiemel f’pajjiżna, għax bit-twaqqif tal-awtorità EquestriMalta, li se tkun responsabbli mill-isport taż-żwiemel f’pajjiżna, se sservi ta’ outreach għad-dixxiplini sportivi kollha tal-isport ekwestri.

EquestriMalta tnediet mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima flimkien maċ-Chairman tagħha, l-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi u l-Kap Eżekuttiv Max Zammit.

Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar il-ħidma li saret biex jara li din il-ħolma tad-dilettanti kollha ta’ dan l-isport issir realtà, li jkollhom aktar professjonalità f’din id-dixxiplina sportiva. “Din hija ħidma li bdiet u kompliet tintensifika meta s-settur tal-isport ġie elevat għal Ministeru”, qal il-Ministru Grima. “Permezz ta’ din l-awtorità se naraw li dan l-isport ikompli jikber u jsir ferm aktar professjonali u għalhekk inkomplu ngħolluh għal livell ta’ eċċellenza”.

EquestriMalta se tara li tiżviluppa s-settur tat-tiġrijiet taż-żwiemel f’Malta u l-isport ekwestri permezz ta’ rikonoxximent u regolamentazzjoni xierqa, bil-prinċipju gwida li jħaddan l-integrità ta’ dan l-isport. Se ssir ħidma mhux biss biex pajjiżna jmur fuq il-mappa internazzjonali ta’ dan l-isport, imma wkoll biex ikun attirat turiżmu sportiv ta’ kwalità lejn pajjiżna.

“Din se tkun awtorità li permezz tagħha se naraw ukoll li jkollna rappreżentanza maġġura fil-fora internazzjonali marbuta ma’ din id-dixxiplina sportiva”, qal il-Ministru Grima. “Se tassigura wkoll li bħala pajjiż ikollna vuċi li tirrappreżenta u tħares l-interessi tas-sidien, tal-ispettaturi, imma wkoll taż-żwiemel”.

Se jkun xogħol l-awtorità li tara li jkun hemm protezzjoni xierqa tal-annimali li jieħdu sehem f’dan l-isport u li jkun żgurat trattament xieraq taż-żwiemel. L-għanijiet tal-awtorità se jintlaħqu billi jkun hemm aktar organizzazzjoni, serjetà u dixxiplina sew fejn jidħlu standards; inklużi dawk li huma sistemi għall-ħarsien tal-annimali, integrità u saħħa, kif ukoll il-gaming marbut ma’ dan l-isport.

Huwa wkoll xogħol EquestriMalta li ssir ħidma biex pajjiżna jkollu faċilitajiet state-of-the-art, li barra li jattiraw kompetizzjonijiet internazzjonali, jgħinu wkoll biex dawn ikunu postijiet imfittxija mill-familji, filwaqt li ssir ħidma ħalli dan l-isport ikompli jkollu ġerrejja u atleti ta’ eċċellenza.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta, Max Zammit, qal li bit-twaqqif ta’ din l-awtorità mistennija jogħlew l-istandards f’dan l-isport tant segwit minn eluf ta’ dilettanti. Żied jgħid li t-talent u d-dedikazzjoni tas-sidien u tal-isportivi ta’ dan l-isport huwa għoli u permezz ta’ struttura professjonali li tinkludi titjib fil-faċilitajiet u fl-edukazzjoni, dan l-isport jista’ jkompli javvanza, anke f’fora internazzjonali bil-kollaborazzjoni tal-klabbs u tal-federazzjonijiet lokali li din l-awtorità tiltaqa’ regolarment magħhom.

Iċ-Chairman ta’ EquestriMalta, l-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi, spjega li għall-ewwel darba se tkun imħarsa bis-serjetà l-integrità sportiva biex dan l-isport jogħla fil-livell u l-parteċipazzjoni tkompli tiżdied b’mod mill-aktar professjonali u serju. Qal li se jkunu mħarsa anke fatturi bħall-ħarsien tal-annimali kif ukoll regolarizzazzjoni tal-liġijiet skont l-istandards internazzjonali.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com