Federated Mills B’Investiment Ta’ €14.4 Miljun F’Impjant Ġdid F’Kordin

 Federated Mills B’Investiment Ta’ €14.4 Miljun F’Impjant Ġdid F’Kordin

Federated Mills plc se tinvesti €14.4 miljun f’impjant ġdid f’Kordin li se jżid il-kapaċitajiet tal-manifattura u l-ħażna tagħhom, u se tuża makkinarju aktar effiċjenti u timxi lejn operat aktar sostenibbli. Il-kumpanija għandha rwol sinjifikanti fis-suq tal-ikel Malti, responsabbli għall-provvista ta’ 70% mid-dqiq mibjugħ lokalment u tal-manifattura ta’ dqiq meħtieġ għal ikel tradizzjonali, bħall-ħobż Malti.

“Ninsabu fiduċjużi ħafna li dan l-investiment, flimkien ma’ aktar investiment fil-kapaċitajiet tal-impjegati tagħna, se nkomplu naraw lil Federated Mills isservi kważi d-domanda kollha tas-suq lokali b’prodott aħjar għall-klijenti tagħna li huma dawk li fl-industrija tal-prodotti tal-ikel, tal-ħelu u tal-ħobż,” spjegat iċ-Chairperson Rachel Stilon.

L-investiment se jsir fuq medda ta’ sentejn, grazzi għall-għajnuna mogħtija mill-Malta Enterprise, biex b’hekk Federated Mills tmexxi l-operat tagħha minn fejn hu bħalissa fil-Marsa għall-post ġdid fiż-żona industrijali ta’ Kordin.

L-investiment jikkonsisti fil-kostruzzjoni tal-impjant u fix-xiri ta’ sistema ta’ produzzjoni ddisinjata għall-ħtiġijiet tat-tħin attwali kif ukoll futuri tagħhom. Dan se jippermetti lil Federated Mills tkompli tiżviluppa u tipproduċi prodotti ta’ kwalità għolja u tidħol fi swieq ġodda. F’dan l-investiment, Federated Mills qed timxi mal-element ta’ sostenibbiltà fejn se tinvesti f’makkinarju modern li għandu jtejjeb il-produzzjoni u l-effiċjenza.

Malta Enterprise qed tappoġġa dan il-proġett li għandu jagħmel il-kumpanija iktar kompetittiva kif ukoll ikompli jassigura l-provvista ta’ dan l-ikel bażiku u meħtieġ fis-suq Malti. L-impjant il-ġdid se jżid il-kapaċitajiet tal-ħażna tal-kumpanija biex b’hekk titnaqqas id-dipendenza sħiħa preżenti fuq is-silos tal-Kordin Grain Terminal.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com