Emenda Legali Li Tintroduċi Reviżjoni Tal-Multi Tal-Kaċċa U L-Insib B’Sistema Ta’ Punti Penali

 Emenda Legali Li Tintroduċi Reviżjoni Tal-Multi Tal-Kaċċa U L-Insib B’Sistema Ta’ Punti Penali

Il-Ministeru għal Għawdex ħabbar emenda legali li tintroduċi sistema ta’ punti penali ta’ 12-il punt għal reati amministrattivi elenkati fi Skeda VIII tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (S.L. 549.42) u fi Skeda II tar-Regolamenti dwar il-Ħarsien tal-Fenek Selvaġġ (SL549.90).

Ġie spjegat li kull kategorija ta’ reat hija assenjata numru ta’ punti li jvarjaw minn tnejn sa erbgħa skont l-Iskeda fil-Liġi relattiva, eżempju erba’ punti għall-użu jew il-pussess ta’ xi apparat tal-elettriku jew elettroniku.

Ladarba individwu jakkumula 12-il punt jew aktar matul perjodu ta’ sentejn, il-liċenzja tiegħu tiġi sospiża mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi u l-Pulizija għal perjodu ta’ sena.

Matul il-perjodu ta’ sospensjoni tal-liċenzja ġenerali rilevanti, id-detentur tal-liċenzja ma jkunx eliġibbli biex japplika għal liċenzja speċjali assoċjata mal-liċenzja ġenerali rilevanti li tkun ġiet sospiża.

Il-punti kollha jiġu ssettjati għal żero jekk id-detentur tal-liċenzja ma jagħmilx reati amministrattivi oħrajn fi żmien sentejn mid-data tal-aħħar reat.

F’każ li d-detentur tal-liċenzja jappella mill-multa amministrattiva lit-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva u sakemm it-Tribunal jiddeċiedi jekk jirrevokax jew jibdilx il-piena amministrattiva jew le, il-perjodu ta’ sentejn jibqa’ jgħodd u l-punti penali relatati ma’ dak ir-reat inkwistjoni jiżdiedu ma’ kwalunkwe punti penali li l-akkużat jakkumula, u jitnaqqsu biss mit-total jekk jinħeles mill-akkużi miġjuba kontrih.

Ġie spjegat li l-multi amministrattivi marbuta ma’ kull kategorija ta’ reati baqgħu l-istess, madankollu numru ta’ reati ġew miżjuda mal-lista ta’ reati li jikkwalifikaw għal multa amministrattiva u għalhekk m’għadhomx suġġetti għal proċeduri bil-qorti.

Għar-reati kollha mhux amministrattivi (li jkunu suġġett għal riferta l-Qorti), l-emendi legali neħħew is-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzji ġenerali kollha u llimitaw tali sospensjoni jew revoka, f’każ ta’ ħtija, għal-liċenzja ġenerali li magħha hemm abbinat tali reat. Dan ifisser li persuna li għandha, per eżempju, kemm il-liċenzja ġenerali tal-kaċċa għall-għasafar minn fuq l-art u anka l-liċenzja ġenerali tal-insib u tinstab ħatja ta’ reat relatat mal-insib biss ma tiġix sospiża jew revokata l-liċenzja ġenerali tal-kaċċa iżda tal-insib biss, u viċi versa.

Regolamenti tal-2022 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Ħarsien tal-Fenek jistgħu jinstabu fuq https://legislation.mt/eli/ln/2022/85/mlt u Regolamenti tal-2022 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi jistgħu jinstabu fuq https://legislation.mt/eli/ln/2022/86/mlt.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com