Pensjonanti Jistgħu Jibqgħu Jaħdmu Mingħajr Ma Jħallsu Taxxa Fuq Dħul Sa €15,000 – Il-PN
Il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista’ dawk li jkomplu jaħdmu wara l-età ta’ l-irtirar ma jħallsu l-ebda taxxa fuq pensjoni kif ukoll fuq dħul sa €15,000 minn xogħol jew introjtu ieħor li jdaħħlu barra l-pensjoni.
Dan qaluh il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius flimkien mal-Kelliema għall-Anzjani Maria Deguara f’messaġġ għall-media mill-pjazza tan-Naxxar.
Huma qalu li hemm 18,700 persuna ġo pajjiżna li ser titnaqqsilhom t-taxxa sostanzjalment b’din il-miżura. “Irridu naħdmu b’saħħa biex l-anzjani tagħna jkun inċentivati jibqgħu jagħtu kontribut fil-komunitajiet tagħna u fil-familja.”
Għal dan ukoll, il-PN qed jipproponi li jirdoppja l-għajnuna eżistenti biex il-familji jgħinu lill-anzjani tagħhom bil-kura fid-dar, fejn l-allowance għal persuni mobbli (Carer Allowance) tiżdied għal €192 fil-ġimgħa u dik ta’ l-Assistenza għal Carer Miżjuda (persuna bed-ridden) għal €288 fil-ġimgħa.
Maria Deguara spjegat kif dan ser ikun qed japplika kemm għall-anzjani kif ukoll persuni b’diżabilità severa.
Intqal li llum hemm madwar 1,500 persuna li tibbenifika minn dawn l-għajnuniet. Jekk dawn l-allowences kważi jirdoppjaw l-ispiża għal proposta tas-CRA tleħħaq €1.5 miljun waqt li dik tal-ICRA tleħħaq madwar €11.5 miljun li iżda ser ikunu ffrankati mill-ispiża ċentrali fuq id-djar tal-anzjani.
Dr Deguara spjegat li Gvern ġdid Nazzjonalista jidħol għan-nefqa’ sħiħa ta’ full time carer at home sa massimu ta’ €12,000 fis-sena għall-anzjani u persuni b’diżabilità serja f’dawk il-każi fejn is-servizz ikun jimmerita u meħtieġ tul l-24 siegħa, l-ġimgħa kollha.
Il-Kelliema tal-PN qalu wkoll li, Gvern ġdid Nazzjonalista ser jara li jgħin b’mod konkret lill-anzjani kollha bil-piżijiet tal-għoli tal-ħajja billi b’mod immedjat inaqqas b’€64 fis-sena (50%) l-kera tal-meters tad-dawl u l-ilma lill-households kollha fejn hemm reġistrat ta’ l-anqas pensjonant wieħed biex jagħmel tajjeb għall-parti minn nefqa għall-kera tal-meters rispettivi.
Peter Agius u Maria Deguara spjegaw kif minn din il-miżura ser jibbenefikaw madwar 56,000 household.
Il-PN se jkun qed jara wkoll li l-anzjani li għandhom dritt għal mediċini b’xejn u li għandhom bżonn jixtru mediċini li ma jinstabux fuq il-formolarju jew għaliex dawk provduti mill-Gvern ma jkunux jaqblu magħhom, ser jingħataw lura persentaġġ (rebate) fuq il-ħlas tal-mediċini li jixtru, ekwivalenti għall-prezz tal-mediċina ekwivalenti li jixtri l-Gvern. Dan isir wara aċċertament kliniku li t-talba hija ġustifikata.
Proposta oħra tal-PN hija li jinċentiva lill-provdituri ta’ l-Internet biex dawn iniżżlu l-ispiża bażika tas-servizz ta’ Internet fid-djar tal-anzjani kollha għal €5 fix-xahar sabiex b’hekk jiġu inċentivati jużaw din it-teknoloġija dejjem aktar. “Gvern ġdid ser jaħdem ukoll ma’ NGOS’s u għaqdiet oħra biex jinċentiva u jwaqqaf helpline iddedikat biex jiggwida lill-anzjani fl-użu ta’ dan is-servizz u biex jagħti gwida lill-anzjani fuq id-diversi applikazzjonijiet u servizzi li jistgħu jaċċessaw.”
Ġie spjegat li 60% ta’ l-anzjani għadhom m’humiex jużaw din it-teknoloġija u għaldaqstant l-iStat għandu obbligu li jagħti l-għajnuna kollha biex jgħinhom jaċċessaw u jużaw dan il-mezz ta’ kommunikazzjoni li jista’ jikkontribwixxi biex titnaqqas is-solitudni.
Il-kelliema spjegaw kif dawn il-proposti huma riżultat ta’ konsultazzjoni ma diversi entitajiet dedikati għall-anzjani fosthom l-Apan u KNA u KNP u oħrajn u tal-ħidma fil-Clusters tal-PN.