Adrian Delia Jimplika Li Bernard Grech Wettaq “Reat Kriminali Ta’ Portata Serjissima”

 Adrian Delia Jimplika Li Bernard Grech Wettaq “Reat Kriminali Ta’ Portata Serjissima”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara li huwa qatt ma kellu każijiet ta’ ‘underdeclaration’ jiġiferi każi ta’ evażjoni ta’ taxxa bħal dak li ġie żvelat fil-konfront tal-kandidat għat-tmexxija tal-istess partit Bernard Grech.

Fl-aħħar jiem il-gazzetta The Times żvelat li Dr Grech naqas milli jiddikjara d-dħul kollu tiegħu tant li fl-2018 huwa kien soġġett għal invesitgazzjoni mit-Tax Compliance Unit.

Minn din l-investigazzjoni rriżulta li Grech wettaq bosta irregolarijiet u ġie ordnat iħallas €17,000 f’taxxa dovuta tal-VAT. Dan l-ammont huwa separat mit-€30,000 li Grech intalab iħallas f’taxxa ta’ dħul (Income Tax) li skont l-istess gazzetta tħallas fl-istess xahar li ħabbar il-kandidatura tiegħu għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Mistoqsi direttament jispjega x’inhi d-differenza fis-sitwazzjoni tat-taxxa tiegħu mqabbla ma’ ta’ Bernard Grech, il-Kap Nazzjonalista qal li ma riedx jidħol fuq il-kwistjoni ta’ Dr Grech. Madankollu qal li r-rapporti li kien hemm fil-gazzetti kapaċi jarhom kulħadd.

Qal li huwa jitkellem biss fil-kuntest tiegħu u li hu qatt ma kellu kwistjonijiet ma’ tat-taxxa ta’ ‘underdeclaration’.
Hawnhekk spjega d-differenza bejn li persuna tiddikjara inqas taxxa minn dak li tkun qed iddaħħal u li persuna ddaħħal tard r-return tat-taxxa tagħha.

“Underdeclaration ifisser li jekk inti taqla’ €100 u tiddikjara li qlajt €4 u cioe qed tikkommetti offiżi f’għajn il-liġi li tissejjaħ tax avoidance. Jekk iddaħħal ir-return tat-taxxa tard hija wkoll irregolari imma l-konsegwenzi ta’ dik hija l-ħlas tal-imghaxijiet”, spjega l-Kap Nazzjonalista.

Huwa żied jgħid li fl-2018 ma setax iddaħħal ir-return tat-taxxa fil-ħin fl-2018 għax ma setax iġiegħel lill-ex mara tiegħu biex tiffirmaha miegħu. Qal mis-sena li għaddiet beda jiffirmaha waħdu u għalhekk jista’ jagħti spjega ċara u sempliċi u li m’għandu għalfejn jaħrab minn ħadd biex jagħtiha.

“Mela hemm differenza netta. Waħda li ma timplikax evażjoni ta’ taxxa u l-oħra li hija evażjoni ta’ taxxa”, qal il-Kap Nazzjonalista waqt li sostna li każ ta’ evażjoni ta’ taxxa huwa reat kriminali ta’ portata serjissima.

Ritratt: Newsbook

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com