Il-PL Jwiegħed €57 Miljun F’Għajnuna Liż-Żgħażagħ U L-First Time Buyers Kollha

 Il-PL Jwiegħed €57 Miljun F’Għajnuna Liż-Żgħażagħ U L-First Time Buyers Kollha

“Il-ħolma li wieħed ikollu daru trid tkun ħolma sabiħa. Trid tkun aspirazzjoni li tieħu pjaċir tagħmilha realtà. L-għaqal u li wieħed jaħdem fuq li jixtieq, għalih u għall-familja tiegħu, għandu jkun dejjem sostnut, ippremjat. Dan huwa l-ħsieb wara din il-miżura importanti, li ser tgħin l-aktar liż-żgħażagħ.”

Dan ħabbru l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Flimkien li matulha ħabbar dettalji dwar il-proposta tal-Partit Laburista li ser tgħin liż-żgħażagħ u l-first time buyers kollha.

Il-Prim Ministru spjega l-proposta li l-Gvern iħallas €1,000 fis-sena lill-first time buyers mill-pagament tal-loan tagħhom għall-ewwel 10 snin. Din hija għajnuna diretta lil dawk iż-żgħażagħ kollha li jiddeċiedu li jixtru l-ewwel propjetà residenzjali tagħhom.

Dr Abela ħabbar li jekk jingħata l-fiduċja mill-poplu din il-miżura tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Huwa spjega li l-uniċi rekwiżiti sabiex wieħed jikkwalifika għal din l-iskema se jkunu li tkun first time buyer u li x-xiri tal-propjetà residenzjali jkun abbinat ma’ loan.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li din il-miżura tindirizza r-realtà tal-lum. “Il-messaġġ tiegħi lejn iż-żgħażagħ huwa, għamlu kuraġġ, tiddejqux toħolmu. Il-ħolm tagħkom wettquh u l-aspirazzjoni għamluha realtà. Tiddejqux tkunu ambizjużi. Lilna ser issibuna magħkom f’kull pass, biex ngħinukom,” temm jgħid Dr Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com