“L-Għażla Bejn Il-Passat U L-Futur Hija Wkoll Għall-Pensjonanti Tagħna” – Il-PM Robert Abela
“L-anzjani tagħna wkoll iridu jieħdu deċiżjoni importanti, jekk jagħżlux li jmorru lura għall-politika tal-awsterità fejn kellhom il-pensjoni ffriżata, jew jagħżlux Gvern li ħaddem politika ta’ investiment fihom, fejn il-kontijiet biss huma ffriżati”.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attività li saret fil-Mellieħa.
Il-Prim Ministru qal li mal-Partit Laburista l-pensjonanti jafu fejn qegħdin. Huwa qal li se jkompli jibni fuq il-miżuri li Gvern Laburista daħħal fl-aħħar snin, “miżuri li ħallew eluf ta’ ewro aktar fil-bwiet tal-pensjonanti u l-anzjani. Gvern Laburista żied u se jerġa’ jżid il-pensjonijiet, u fil-ħames snin li ġejjin dik iż-żieda se tkun ikbar.”
Dr Robert Abela saħaq li Gvern Laburista tejjeb il-pensjoni tar-romol, il-pensjoni ta’ persuni fuq il-pensjoni tal-invalidità, il-pensjoni tas-self-employed, il-pensjoni tas-servizz u wkoll fehem u tejjeb ir-realtà ħafna nisa li meta ġew għall-età tal-pensjoni sabu ruħhom fi żvantaġġ.
Il-Mexxej Laburista semma kif matul din is-sena in-nefqa fuq pensjonijiet biss se tkun qed tilħaq il-biljun ewro għall-ewwel darba. Spjega li fil-leġiżlatura li ġejja l-pensjonanti se jieħdu mill-anqas 15-il ewro oħra żieda fil-ġimgħa u mediċini b’xejn.
“Dan huwa l-partit li verament għandu ruħ soċjali, partit li daħħal il-pensjonijiet u li huwa t-tarka tal-pensjonanti, li huma wkoll parti mill-futur tal-pajjiż,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.