Ara: Il-Miżuri Kollha Fid-Dettall Li Ħabbar Id-DPM Chris Fearne Llum

 Ara: Il-Miżuri Kollha Fid-Dettall Li Ħabbar Id-DPM Chris Fearne Llum

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru saħaq li s-sitwazzjoni fl-isptarijiet u fil-komunità hija taħt kontroll, u li dan huwa riżultat dirett t’iktar minn miljun u mitejn elf doża tal-vaċċin ta’ kontra l-COVID-19 li ngħatat mill-bidu tal-pandemija. Fil-fatt, id-Deputat Prim Ministru Fearne rrimarka li Malta għandha l-ogħla rata t’adulti mlaqqma bil-booster, b’80%, u li din ir-rata se tippermetti r-rilaxx t’iżjed miżuri restrittivi.

Hu ħabbar li mit-Tnejn 7 ta’ Marzu 2022, kuntatti primarji ta’ persuni pożittivi mhumiex se jkunu obbligati jagħmlu kwarantina jekk ikunu fil-pussess ta’ ċertifikat validu tal-vaċċin, filwaqt li l-kwarantina mandatorja tal-persuna pożittiva u tal-persuni li jgħixu fl-istess residenza se tinżel għal 7 ijiem, kemm-il darba dawn il-persuni jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat validu tal-vaċċin u jagħmlu test li jirriżulta fin-negattiv.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li mis-7 ta’ Marzu 2022 wkoll se titneħħa l-kwarantina mandatorja ta’ kuntatti sekondarji li mhumiex ivvaċċinati, filwaqt li l-kwarantina ta’ kuntatti primarji li mhumiex ivvaċċinati se tinżel għal 5 ijiem b’ test negattiv fl-aħħar jum. Hu ta l-eżempju ta’ tfal li għandhom inqas minn 5 snin u li għalhekk ma jistgħux jitlaqqmu, li jkunu meħtieġa jagħmlu kwarantina minħabba każ pożittiv fil-klassi, u li mis-7 ta’ Marzu l-perjodu ta’ kwarantina se jonqos għal 5 ijiem.

Il-kwarantina marbuta mal-ivjaġġar minn pajjiżi tal-lista l-ħamra skura, mis-7 ta’ Marzu 2022, se tonqos għal 7 ijiem b’ test negattiv fl-aħħar jum. Fuq rakkomandazzjoni tal-Unjoni Ewropea, mis-7 ta’ Marzu wkoll, Malta se tibda tirrikonoxxi l-vaċċini approvati mill-World Health Organization (WHO) anke jekk mhumiex approvati mill-EMA, bħat-tilqima tad-ditta Sinopharm u Covishield. Dan sakemm iċ-ċertifikat ikun rikonoxxut mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika u jiġi ppreżentat PCR test negattiv mal-wasla f’ pajjiżna.

Dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tar-ristoranti u barijiet, id-Deputat Prim Ministru ħabbar li mis-7 ta’ Marzu dawn jistgħu jmorru lura għall-ħin tal-għeluq kif permess mil-liċenżja tal-istabbiliment.

Id-Deputat Prim Ministru fakkar kif mill-14 ta’ Marzu 2022 se jitneħħa l-obbligu tal-użu tal-maskra fuq barra u stqarr li qed tkun analizzata l-użu tal-maskri fuq ġewwa. Huwa qal li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ stabbli, wara l-vaganzi tal-Għid, hemm il-possibilità li jitneħħa l-obbligu tal-użu tal-maskri fl-iskejjel.

Dwar avvenimenti organizzati bil-wieqfa, id-Deputat Prim Minsitru sostna li min-nhar Tnejn 11 t’ April 2022, se jkunu permessi attivitajiet bilwieqfa. Fil-każ t’attivitajiet fil-miftuħ mhuwiex se jkun obbligatorju li jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat tal-vaċċin, filwaqt li għal attivitajiet fuq ġewwa ċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun mandatorju. Din il-miżura se tapplika ukoll għat-tiġijiet, li mill-1 t’April se jkunu permessi li jsiru bilwieqfa sa massimu ta’ 300 persuna.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com