Il-PN Japprova L-Programm Elettorali B’Aktar Minn 500 Proposta Differenti

 Il-PN Japprova L-Programm Elettorali B’Aktar Minn 500 Proposta Differenti

“Ejjew miegħi, ejjew magħna, għax aħna miegħek, Miegħek Għal Malta.”

Dan kien l-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li fih ġie approvat il-programm elettorali għall-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu.

Waqt id-diskors tiegħu Dr Bernard Grech ħabbar li PN fil-Gvern ser inaqqas it-taxxa għal 15%, u dan se jsir bi pjan u bi kwadru ta’ sostenibbiltà. Gvern Nazzjonalista ser idaħħal sistema fejn kulħadd jaqbillu jekk ikun aktar sostenibbli u aktar responsabbli fuq l-ambjent, fuq it-tmexxija tajba u fuq il-qalb soċjali.

Ser titwettaq bidla mill-qiegħ tal-programmi ta’ inċentivar fiskali permezz ta’ dan il-kunċett ġdid ta’ politika intiża biex in-negozji jiġu rikonoxxuti u inċentivati biex jikkonformaw mal-għanijiet soċjali, ambjentali u ta’ governanza ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-PN ħabbar li n-negozji kollha li jagħmlu dak il-ftit sforz biex jgħinu sabiex nipproteġu l-ambjent u l-progress soċjali ser titnaqqsilhom ir-rata tat-taxxa fuq il-qligħ tan-negozji għal 15% fuq l-ewwel €500,000 qligħ li jerġgħu jiġu investiti fin-negozju.

Huwa qal ukoll li fuq medda ta’ ħames snin, hekk kif il-qafas tal-ESG ikun sar parti integrali mill-politika fiskali, se jkunu qed iniżżlu l-ogħla rata ta’ taxxa għal 25%, kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-persuni.

“Dan ser isir filwaqt li qed nintrabtu – iswed fuq l-abjad – li la ngħollu l-VAT u lanqas il-bolla,” saħaq Bernard Grech.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar ukoll li l-programm elettorali hu mibni fuq:

  • Il-viżjoni ta’ pajjiż modern iżda b’ruħ soċjali.
  • Sisien ġodda għal kwalità tal-ħajja u ħajja sana.
  • Sensiela ta’ programmi u proġetti biex ninvestu llum fl-ekonomija ta’ għada.
  • Bidla radikali bi prijorità fil-politika ambjentali ta’ pajjiżna.
  • Żvilupp infrastrutturali u l-immaniġġjar tar-riżorsi, speċjalment fl-enerġija.
  • Azzjoni serja dwar is-sigurtà ta’ u ġewwa pajjiżna.
  • Riformi biex nassiguraw ġustizzja u demokrazija vera.
  • Ngħożżu s-sbuħija u l-identità ta’ Għawdex filwaqt li nkattru l-opportunitajiet għall-Għawdxin.
  • Nassiguraw taxxi aktar ġusti u li jinċentivaw l-intrapriżi.
  • Malta moderna tinħtieġ servizz pubbliku modern, diġitali u effettiv.
  • Teknoloġiji avvanzati u innovazzjoni.
  • Tingħata l-ogħla importanza lill-edukazzjoni biex nibnu soċjetà tal-għarfien (knowledge society) li hi l-bażi għall-ħolqien ta’ impjiegi fid-dinja tal-lum.
  • Jintradd il-ġieħ u r-reputazzjoni li jistħoqqilha Malta, l-Art li tatna isimna.
  • Politika serja għall-popolazzjoni u l-immigrazzjoni.
  • Governanza tajba f’Kultura ta’ Integrità.

Fil-ġranet li ġejjin il-Kap tal-PN se jkun qed jidħol f’aktar dettall tal-proposti f’dokument b’aktar minn 500 proposta differenti.

Dan hu l-manifest elettorali verżjoni elettronika: www.pn.org.mt/vision

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com