Il-PN Bi Proposti Diretti Biex Jippromwovi L-Prodott Lokali

 Il-PN Bi Proposti Diretti Biex Jippromwovi L-Prodott Lokali

“Hemm bżonn nieħdu ħsieb il-prodott Malti, il-frott u l-ħaxix tal-bidwi, il-ħut tas-sajjied u l-laħam u l-ħalib tar-raħħal. Dan ser nagħmluh bi Gvern ġdid Nazzjonalista, mhux biss f’ġieħ il-bidwi u l-kampanja Maltija, iżda wkoll f’ġieħ l-ommijiet, il-missirijiet u t-tfal tagħhom kollha.” Dan qalu l-Kap tal-PN Bernard Grech ilbieraħ waqt żjara li għamel lill-bdiewa fl-Imġarr.

Huwa saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista ser jara li jħaddem politika li tippromwovi l-prodott Malti. Dan billi titwaqqaf Aġenzija għall-Promozzjoni tal-Prodott Malti li taħdem id f’id mal-bidwi, ir-raħħal, is-sajjied u l-għaqdiet.

Il-PN qed jipproponi wkoll programm intensiv ta’ inċentivar tal-produzzjoni organika favur ambjent naturali fejn inlaħħqu mal-miri Ewropej u nużaw il-miljuni ta’ fondi disponibbli għal dan il-għan.

Dr Bernard Grech għal dan is-settur qed jipproponi wkoll programmi estensiv ta’ edukazzjoni u proġett li jattira raħħala u bdiewa żgħażagħ.

Qed ikun propost ukoll appoġġ lill-bdiewa permezz ta’ sostenn tas-suq lokali u tnaqqis fil-piż eċċessiv tar-regolamentazzjoni u l-ispejjeż li poġġew lill-biedja Maltija f’morsa inġusta u perversa.

Bernard Grech qal li l-bidwi, r-raħħal u s-sajjied spiċċaw f’sitwazzjoni ta’ spejjeż dejjem jogħlew iżda l-appoġġ tal-awtorità dejjem jonqos.

Huwa temm jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista ser jindirizza l-ewwel u qabel kollox l-ispejjeż tal-bidwi, is-sajjied u r-raħħal bili jgħinu jaċċessa l-fondi, idaħħal sistema ta sussidju fuq fjuwil, inaqqas radikalment spejjeż fuq bexx u ispezzjonijiet u jelimina r-renta tal-meters tad-dawl u l-ilma li saru piżijiet kbar fuq il-prodott Malti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com