Minn Għada Jibdew Jitqassmu D-Dokumenti Għall-Votazzjoni Minn Uffiċjali Tal-Pulizija

 Minn Għada Jibdew Jitqassmu D-Dokumenti Għall-Votazzjoni Minn Uffiċjali Tal-Pulizija

Il-Kummissjoni Elettorali tavża lill-eletturi kollha ta’ Malta u Għawdex li isimhom jidher fl-aħħar Reġistru Elettorali ppubblikat, jiġifieri dak tal-25 ta’ Frar, 2022,  suġġett għal żidiet, tnaqqis jew korrezzjonijiet ordnati mill-Uffiċjal Reviżur, illi uffiċjali tal-Pulizija se jibdew iqassmu d-dokumenti għall-votazzjoni minn nhar it-Tnejn, 28 ta’ Frar, 2022.

It-tqassim se jsir kuljum bejn it-8am u s-1pm u bejn it-3pm u d-9pm, sa nhar il-Ġimgħa l-11 ta’ Marzu, 2022.

Il-Kummissjoni Elettorali tavża illi d-dokumenti għall-votazzjoni se jitqassmu biss fl-indirizz fejn il-votant huwa reġistrat. Għaldaqstant huwa importanti li fid-dar ikun hemm xi persuna responsabbli u li ma tkunx taħt is-16-il sena u hija qariba jew/u toqgħod jew taħdem fl-istess indirizz hemmhekk  biex  tirċievi u tiffirma għad-dokumenti għall-votazzjoni.

Il-liġi elettorali tippermetti li rappreżentanti tal-partiti politiċi jakkumpanjaw lill-uffiċjali tal-Pulizija waqt it-tqassim ta’ dawn id-dokumenti. Dawn se jkunu provduti b’Biljett ta’ Awtorizzazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali sabiex jintwera meta jkun hemm il-ħtieġa.

Id-dokument għall-votazzjoni għandu jinżamm f’post sigur għax mingħajru ħadd ma jkun jista’ jivvota f’jum il-votazzjoni.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com