“Gvern Laburista Se Jkompli Jtejjeb Il-Kwalità Tal-Ħajja Tal-Familji U T-Tfal Tagħna” – Il-PM Robert Abela

 “Gvern Laburista Se Jkompli Jtejjeb Il-Kwalità Tal-Ħajja Tal-Familji U T-Tfal Tagħna” – Il-PM Robert Abela

“L-emfasi fuq il-proposti li nedejna l-ġimgħa li għaddiet u dawk li nedejna dalgħodu għandhom prinċipju komuni dak li jitratta n-nies u l-kwalità tal-ħajja. Aħna ngħixu biex intejbu l-futur ta’ dawk li għad iridu jiġu u ntejbu l-futur tat-tfal tagħna u dak li ngħixu aħna ta’ kuljum naraw kif nistgħu ntejbu l-futur tat-tfal tagħna u ta’ dan il-pajjiż. U għalhekk dalgħodu nedejna il-Garanzija għat-Tfal, miżura b’investiment ta’ €145 miljun fuq medda ta’ ħames snin.”

Dan stqarru l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista f’Birkirkara mmexxija minn John Grech b’rabta mal-kampanja elettorali bit-tema Malta Flimkien.

Filwaqt li fakkar li f’dawn l-aħħar snin il-Gvern naqqas ir-riskju tal-faqar u tal-eskluzjoni soċjali b’10%, qal li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta li tgħin biex nimxu ‘l quddiem, iċ-ċavetta li tagħti l-mobbiltà soċjali li tfisser li inti minn int, tlaqt minn fejn tlaqt, għandek l-istess opportunità daqs ħaddieħor li tavvanza fil-ħajja u tilħaq il-milja tal-aspirazzjonijiet tiegħek.

“Hawn jidħol il-prinċipju tal-Partit Laburista li ma jkun minsi ħadd u jaħseb ukoll f’dawk li jistgħu l-anqas,” tenna Robert Abela, filwaqt li spjega li abbażi ta’ dan il-prinċipju t-tfal li ġejjin minn familji bi dħul baxx se jkollhom uniformi fis-sena provduta mill-gvern u wkoll servizz ta’ internet bażiku. Dawk li hemm fuq skema 9, skema li taħseb għal tfal ġejjin minn familji vulnerabbli se tiżdied l-għajnuna għalihom u fejn qabel kellhom jagħżlu, issa l-benefiċċji li jingħataw se jeħduhom kollha, inkluż żieda ta’ nuċċali tal-vista b’xejn.

Huwa kompla jgħid li Gvern Laburista se jkompli joffri esperjenza edukattiva lit-tfal kollha; dik akkademika li hija kruċjali flimkien mal-attivitajiet extra kurrikurali li minnhom llum qed jitwieldu l-karrieri.

Robert Abela qal li ż-żieda fiċ-children’s allowance se tkun tfisser l-akbar żieda li se tkun qed tingħata f’ġenerazzjoni sħiħa. Għal persuna bil-paga minima, ż-żieda fiċ-children’s allowance se tkun tfisser l-ekwivalenti ta’ tlett ġimgħat żieda netta fil-paga. U dan trid tarah f’żieda tal-in-work benefit u fiċ-ċekkijiet tar-rifuzjonijiet tat-taxxa. “B’mod ħolistiku dawn il-miżuri se jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar u b’hekk li tagħti valur akbar lil paga,” qal il-Prim Ministru.

Dwar l-IVF, il-Prim Ministru emfasizza li l-avvanzi li saru f’pajjiżna huma tajbin iżda mhux biżżejjed, u għalhekk qal li se jkunu qed jiddaħħlu riformi ġodda.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com