Żewġ Unuri Għall-Valletta Design Cluster Waqt L-MASP Awards

 Żewġ Unuri Għall-Valletta Design Cluster Waqt L-MASP Awards

Is-Sibt li għadda waqt is-serata li fiha ġew ippreżentati l-Malta Architecture and Spatial Planning Awards, il-Valletta Design Cluster rebaħ żewġ unuri prestiġjużi għall-aqwa riġenerazzjoni fir-restawr u l-konservazzjoni, u għall-aqwa spazju aħdar pubbliku innovattiv.

Il-Valletta Design Cluster u l-ġnien ta’ fuq il-bejt ta’ din il-binja, li huma proġett tal-legat tal-Valletta 2018 il-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura li ġew uffiċjalment inawgurati aktar kmieni fis-sena 2021, jagħmlu parti mill-ispazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva li tinsab fil-Biċċerija l-Antika li ġiet restawrata fil-Belt Valletta, Malta. L-għan tal-Valletta Design Cluster huwa li jipprovdi spazju u opportunitajiet għall-operaturi kulturali u kreattivi ta’ Malta. Dan il-proġett li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, kien parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej u b’kollox ġie jiswa €10.4 miljun.

Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef irringrazzja lid-Direttorat għar-Restawr taħt id-direzzjoni tal-Perit Norbert Gatt, lill-Perita inkarigata Amanda-Jane DeGiovanni,  lill-Perit Ġappuniż Tetsuo Kondo, kif ukoll lill-kuntratturi u lil dawk kollha li ħadmu fuq dan il-proġett, li llum sar gawhra fin-naħa t’isfel tal-Belt Valletta. Is-Sur Jason Micallef tenna li llum dan il-post huwa xhieda ħajja tal-legat u s-sostenbilità tar-riġenerazzjoni ekonmika, soċjali u kulturali li ġabet magħha l-Valletta 2018.

Din is-serata saret taħt il-Patroċinju tal-E.T George Vella, il-President ta’ Malta u ġiet organizzata mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com