Il-Banda Re Ġorġ V Tas-Soċjetà Santa Marija Fl-Imqabba Tiċċelebra L-75 Sena Mindu Saret Banda

 Il-Banda Re Ġorġ V Tas-Soċjetà Santa Marija Fl-Imqabba Tiċċelebra L-75 Sena Mindu Saret Banda

L-ewwel għaqda mużikali Mqabbija din is-sena tiċċelebra l-75 sena mindu nbidlet f’banda.

Il-Banda Re Ġorġ V tas-Soċjetà Santa Marija, l-ewwel għaqda mużikali Mqabbija, matul l-2022 se tkun qed tiċċelebra l-75 sena minn pass ieħor ewlieni fl-iżvilupp tagħha, dak li fih inbidlet f’banda.

Il-Banda Re Ġorġ V kellha l-bidu tagħha qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1939, meta Ġużeppi Galea beda jgħallem il-mużika fl-għaqda li dak iż-żmien kellha l-isem ta’ King George V Club. Il-proġett ta’ Ġużeppi Galea kellu jiġi sospiż minħabba l-gwerra, iżda mbagħad kompla fl-1943 hekk kif kienet reġgħet saret il-festa titulari Mqabbija.

F’nofs l-1944, dik li kellha l-isem ta’ ‘Orkestra Santa Marija’ kienet diġà ffurmata ħalli toħroġ iddoqq. Aħbar dokumentata u ritratt ippubblikati fis-16 ta’ Frar 1945 fil-gazzetta ta’ kuljum IlBerqa jikkonfermaw li l-Orkestra Santa Marija fl-Imqabba kienet diġà ilha mwaqqfa tmien xhur u li kienet lesta biex toħroġ iddoqq fil-pubbliku.

Dan fil-fatt għamlitu fit-12 ta’ Awwissu 1945 meta, għall-ewwel darba fl-Imqabba, għaqda mużikali esegwiet programm strumentali pubbliku, fit-Tieni Tridu tal-festa titulari li fl-1945 kien ħabat il-Ħadd, fuq planċier fil-pjazza tal-knisja parrokkjali ħdejn is-sede tal-għaqda.

Fis-seduta ġenerali tal-għaqda fl-20 ta’ Ottubru 1946, l-Orkestra Santa Marija nbidlilha isimha għal ‘Banda Re Ġorġ V’. L‐ewwel programm mużikali bl-isem il-ġdid tagħha għamlitu nhar Ħadd il‐Palm ta’ wara, fit-30 ta’ Marzu 1947.

Dan il-pass, li tiegħu s-Soċjetà Santa Marija – Banda Re Ġorġ V se tkun qed tfakkar il-75 anniversarju kif jixraq matul din is-sena, ikompli mal-ħafna passi oħrajn li għamlet biex tiċċelebra kif jixraq il-festa titulari tal-Imqabba u wkoll fil-kisba ta’ ħafna unuri nazzjonali u internazzjonali għaliha, għall-festa titulari tal-Imqabba, għal dan ir-raħal u għal pajjiżna.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com